Sunday, November 24, 2024

LEJN ĠUSTIZZJA EFFETTIVA U BLA DEWMIEN

Aqra wkoll

Il-qasam tal-ġustizzja fl-aħħar jiem reġa’ kien fiċ-ċentru tad-diskussjoni. Qasam li ħafna drabi jisfa fil-mira ta’ kritika l-iktar minħabba dewmien  sproporzjonat li jista’ jkun hemm fil-proċessi, li jwasslu saħansitra biex il-ġustizzja ddum biex isir, mhux biss ma’ dawk kollha allegatament involuti imma anke mal-vittmi nfushom. 

Dan qed ngħiduh anke fl-isfond tal-inkjesta maġisterjali li għadha għaddejja b’rabta mal-mewt traġika ta’ żagħżugħ li seħħet f’Diċembru li għadda f’Kordin. Din saħansitra wasslet lill-Prim Ministru biex jilmenta mid-dewmien x’aktarx mhux ġustifikat li qed jieħdu l-inkjesti maġisterjali biex jintemmu. 

Id-dewmien fil-Qrati mhix xi ħaġa ġdida tant li ilha snin fuq fomm il-poplu. Dan huwa rifless ukoll fil-ħsieb taċ-ċittadin tant li għadha tissemma’ l-frażi li meta tidħol il-Qorti taf u meta toħroġ ma tafx. U dan il-frażi huwa raġunat għaliex anki jekk immorr ftit xhur lura lejn tmiem  is-sena 2022, insibu li l-għadd ta’ kumpilazzjonijiet pendenti kienu jlaħħqu t-3,282, b’uħud minnhom imorru lura għal snin twal.

Matul iż-żmien saru bosta emendi fil-Kodiċi Kriminali biex din is-sistema tal-kumpilazzjoni tkun waħda li tlaħħaq mal-ħtiġijiet li kienu qegħdin ifeġġu minn żmien għal żmien u b’mod partikolari sabiex il-proċedura tiġi protetta milli tikkollassa taħt il-pressjoni taż-żieda fl-għadd ta’ każijiet.

Minkejja dan it-tibdil iżda, xorta waħda din il-proċedura, fil-forma ta’ kif inhi bħalissa, baqgħet identifikata bħala wieħed mill-fatturi li qed jikkontribwixxi għad-dewmien fis-smigħ tal-kawżi. Kien għal din ir-raġuni li l-Gvern nieda riforma ġdida fis-sistema tal-kumpilazzjonijiet u r-rinviji bil-għan li l-amministrazzjoni tal-ġustizzja titjieb u titbiegħed mill-periklu tal-istaġnar.

Fost affarijiet oħra, fir-riforma qed ikun propost li jiġi stabbilit terminu massimu għat-tmiem tal-kumpilazzjonijiet, li tispiċċa s-sistema tar-rinviju tal-poċess bejn il-Qorti u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u li jkun possibbli fl-istadju tal-kumpilazzjoni ċertu provi jsiru permezz ta’ affidavit. 

Aħna konvinti li t-terminu kif propost ta’ sena f’dak li jirrigwardja l-għeluq tal-kumpilazzjoni, hi xi ħaġa f’lokha u li se tħalli effett pożittiv fuq kawżi li qabel kienu jieħdu ferm aktar fit-tul sakemm jintemm dan il-proċess. 

Ma jistax ikun li f’pajjiżna jibqa jkollna sitwazzjoni fejn proċessi, inkluż inkjesti maġisterjali jieħdu tul ta’ żmien mhux ġustifikat biex jitlestew. Fuq kollox, il-ġustizzja mhux biss trid issir imma trid tidher li qed issir.

Sport