Monday, April 14, 2025

Lejn it-twaqqif ta’ Awtorità dwar is-Sigurtà tal-Ikel

Aqra wkoll

“Qed nipproponu awtorità waħda, unifikata, trasparenti, effiċjenti u responsabbli għall-funzjonijiet kollha tas-sigurtà tal-ikel. Korp wieħed biex jissorvelja l-vjaġġ kollu mir-razzett sal-furketta. Sistema waħda ta’ standards, punt wieħed ta’ responsabbiltà, vuċi waħda li titkellem mal-pubbliku bi kjarezza u b’kunfidenza. Dan mhux biss huwa possibbli imma meħtieġ.” 

Sostna dan il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo fil-Parlament meta kien qed jiġi diskuss l-Abbozz ta’ Liġi li jipproponi t-twaqqif ta’ Awtorità dwar is-Sigurtà tal-Ikel. 

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Refalo stqarr li wasal iż-żmien li ngħaqqdu flimkien il-funzjonijiet kollha tas-sigurtà tal-ikel taħt awtorità waħda biex niżguraw li meta ngħidu li l-ikel huwa sigur, ifiser li l-ikel huwa tassew sigur. 

Qal li b’dan il-pass se jkun hemm riżultati aħjar għas-saħħa pubblika fost oħrajn. “Se nkunu qed nipprevjenu l-mard li jinġarr mill-ikel, niskopru l-kontimazzjoni kmieni u nirrispondu aktar malajr meta jinqalgħu l-problemi,” qal il-Ministru Refalo.

Huwa spjega li ladarba tinħoloq din l-awtorità, se jkun hemm sistema unifikata li minnha jibbenefikaw mhux biss il-konsumaturi imma wkoll il-bdiewa, il-produtturi tal-ikel u anke n-negozji għar.

Qed ikun enfasizzat ukoll li dak li jiġi inforzat fil-leġiżlazzjoni Maltija, trid tkun kompatibbli mar-regoli tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tas-sigurtà tal-ikel. Barra minn hekk, qed ikun propost li din l-Awtorità tiżviluppa politika nazzjonali dwar is-sigurtà u s-sostenibilità tal-ikel.

Poter ieħor li se jkollha din l-Awtorità, kompla jgħid il-Ministru Refalo, hi li tniedi twissijiet, sejħiet lura u investigazzjonijiet dwar frodi meta jinqalgħu riskji relatati mal-ikel. 

Qed ikun propost li l-istess Awtorità jkollha wkoll il-poter li taġixxi f’kordinazzjoni ma’ uffiċjali tas-saħħa pubblika meta jfeġġ xi mard li jinġarr mill-ikel filwaqt li jkollha wkoll is-saħħa li tistabbilixxi laboratorji u twettaq spezzjonijiet u riċerka mmexxija mid-dejta. 

Dan l-Att jipprovdi lill-Ministru b’għodda meħtieġa biex jadatta regolamenti matul iż-żmien u jiżgura li l-interss pubbliku jibqa’ fil-qalba tad-deċiżjonijeit kollha relatati mal-ikel. “L-interess pubbliku huwa l-interess tal-pajjiż kollu. Għaldaqstant importanti li l-interess pubbliku nżommuh quddiem għajnejna l-ħin kollu,” tenna l-Ministru Refalo.

Huwa temm jispjega li din l-Awtorità se tkun sorveljata minn bord ta’ gvernaturi magħmul minn esperti mis-saħħa pubblika, l-agrikoltura, ix-xjenza ambjentali u s-settur privat. Se jkun hemm il-ħatra ta’ Kap Eżekuttiv ta’ din l-Awtorità, liema ħatra se ssir bl-aktar mod trasparenti wara sejħa pubblika.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport