Thursday, September 25, 2025

Lejn it-twaqqif ta’ Qorti Kummerċjali distinta u speċjalizzata

Aqra wkoll

Il-Qorti tal-Kummerċ kif qed tiġi proposta hi Qorti b’ġurisdizzjoni speċifika, studjata u diskussa biex tagħti l-aħjar servizz li jilqa’ għall-ħtiġijiet tal-pajjiż fis-sitwazzjoni tal-lum. 

Iddikjara dan il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard meta fil-Parlament beda jiġi diskuss l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda Liġijiet Varji dwar it-Twaqqif u l-Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Kummerċ.

Il-Ministru Attard spjega li dan l-abbozz għandu l-għan li jemenda diversi liġijiet sabiex titwaqqaf il-Qorti tal-Kummerċ bħala Qorti distinta u speċjalizzata. Fl-ewwel lok, l-abbozz jipproponi li l-Qorti tal-Kummerċ tiġi rikonoxxuta bħala waħda mill-Qrati Superjuri. 

Barra minn hekk, qed ikun introdott artiklu ġdid (32A) fil-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili, li jistipula li l-qorti se tkun kompetenti biex fost l-oħrajn tisma’ kawżi relatati mal-Kodiċi tal-Kummerċ, l-Att dwar il-Kumpaniji, l-Att dwar il-Kompetizzjoni, kawżi marittimi, proprjetà intellettwali, materji relatati mal-avjazzjoni u diversi disputi oħra ta’ natura kummerċjali. 

Il-Ministru Attard qal li din ir-riforma se jkollha impatt dirett fuq is-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna, b’enfasi fuq l-effiċjenza u l-kwalità. Dan hekk kif il-ħolqien ta’ Qorti speċjalizzata se jnaqqas il-piż fuq il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, fejn bħalissa l-Imħallfin qed jassumu ammont sostanzjali ta’ kawżi.

Il-Qorti tal-Kummerċ se tippermetti smigħ aktar mgħaġġel ta’ kawżi kummerċjali, b’aktar kompetenza u speċjalizzazzjoni. Dan se jwassal għal tnaqqis fid-dewmien proċedurali.

“Qorti kummerċjali effiċjenti hi strument strateġiku għall-investiment barrani: investituri jħarsu lejn il-kapaċità ta’ pajjiż li joffri rimedju ġudizzjarju f’każ ta’ tilwim,” tenna l-Ministru Attard. 

Huwa kompla jgħid li l-ġudikatura speċjalizzata se tkun f’pożizzjoni aħjar biex tifhem il-kumplessità tal-kuntratti kummerċjali, kwistjonijiet ta’ falliment, u tilwim tekniku, u dan se jwassal għal fiduċja aktar fis-sistema ġudizzjarja minn operaturi ekonomiċi u legali. 

Il-Ministru Attard spjega li l-fażi finali tkun il-ftuħ ta’ binja ġdida fil-Belt Valletta biex isservi bħala Qorti Kummerċjali, b’Awli u Reġistru separat biex iservi għal dan l-iskop. “L-istess kif għamilna fil-kamp tal-inkjesti, qed ninvestu f’binja ta’ prestiġju u d-dekor ta’ Qorti, li tinsab biss ftit ’il bogħod mill-binja ewlenija tal-Qorti.”

Fl-aħħar nett, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni qal li dan l-abbozz jirrifletti li l-kawżi kummerċjali jeħtieġu trattament speċjalizzat minħabba n-natura teknika u kumplessa tagħhom. 

“It-twaqqif mill-ġdid tal-Qorti tal-Kummerċ jindirizza din il-ħtieġa b’mod strutturat.

“Il-ħolqien ta’ Qorti separata ser jippermetti lill-Imħallfin jispeċjalizzaw fuq kawżi kummerċjali, u b’hekk itejjeb l-effiċjenza, il-kwalità tas-smigħ u d-deċiżjonijiet tal-kawżi.

“Din l-inizjattiva tpoġġi lil Malta f’linja ma’ diversi ġurisdizzjonijiet oħra li diġà għandhom qrati kummerċjali speċjalizzati, u b’hekk tissaħħaħ il-kompetittività tas-sistema ġudizzjarja Maltija f’kuntest globali,” temm jgħid il-Ministru Attard.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport