F’dawn il-jiem għadna kemm temmejna fil-Parlament, id-diskussjoni dwar l-Estimi Finanzjarji għas-sena 2026 wara li fl-aħħar tax-xahar li għadda il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana kien ressaq il-Budget għall-2026. Kull membru kollega fil-Kabinett kellu l-opportunità jispjega f’aktar dettal il-ħidma tad-dekasteru tiegħu filwaqt li jwassal ukoll il-pjani tiegħu għas-sena li ġejja. Min-naħa l-oħra smajna l-kritika tal-membri tal-Oppożizzjoni u weġibna kif kien meħtieġ.
L-2026 ser tkun sena mill-aktar interessanti għaliex skont kif tħabbar fid-diskors tal-Budget u anke fid-diskussjoni ta’ wara, għandna għadd kbir ta’ inizjattivi xi nwettqu. Bla dubju, hekk kif qed noqorbu bil-mod lejn tmiem il-leġislatura qed inkomplu nagħtu importanza lejn it-twettiq tal-Manifest Elettorali biex dak li wegħdna lill-elettorat fl-elezzjoni tal-2022 inwettqu kemm jista’ jkun minnu. Huwa fatt li madwar 50% tal-miżuri ta’ dan il-Budget jindirizzaw miżuri li kienu mwegħda fil-Manifest Malta Flimkien.
Fil-Budget għas-sena d-dieħla se nkunu qed inwettqu saħansitra aktar minn dak li wegħdna fl-aħħar elezzjoni. Se nkomplu nżidu l-pensjonijiet b’€10 fil-ġimgħa għall-pensjonanti kollha. Se nkunu qed inkomplu jżidu ċ-childen’s allowances. Se nibdew nimplimentaw tax cut bi spiża ta’ madwar €160 miljun li hija saħansitra ikbar mit-tax cut tas-sena u li hija immirata primarjament lejn il-familji bit-tfal li se jkunu qed jiffrankaw eluf ta’ Ewro f’taxxi kull sena tant li dawk bil-paga medja u qed irabbu t-tfal mhux se jkunu qed iħallsu taxxi.
B’żieda ma’ dawn il-benefiċċji hemm għadd kbir ta’ miżuri oħra li jolqtu lil diversi kategoriji ta’ dawk meqjusa l-aktar vulnerabbli fis-soċjeta. L-għan ikun dejjem li ntejjbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies. Imma nafu wkoll li ntejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies mhux biss bl-inċentivi finanzjarji. In-nies iridu wkoll aktar spazji miftuħa fejn jistgħu igawdu ħin ħieles ta’ rilassament mal-familji tagħhom. Huwa b’dan ukoll fil-pjani tal-Gvern li jinvesti miljuni kbar biex artijiet bħalma huma Manoel Island u l-White Rocks issa ser jingħataw lura lill-poplu Malti permezz ta’ proġetti kbar ta’ spazji miftuħa.
B’dan ukoll f’moħħna, anke fejn jidħlu r-responsabbiltajiet tiegħi ser inkunu qed nagħtu l-importanza li jixraqlu lill-kwalità tal-ħajja tan-nies billi ninvestu Fondi Ewropej fi proġetti ta’ spazji miftuħa f’diversi bliet u rħula madwar il-pajjiż. Se jkunu qed jintefqu xejn inqas minn €24 miljun f’dawn l-ispazji biex nirriġeneraw spazji li diġa jeżistu imma li jeħtieġu jiġu addattati għar-rilassiment tal-familji tagħna.
Permezz tal-Fondi Ewropej, fissirt fil-Parlament, li rridu naraw lill-pajjiżna jkompli javvanza f’dik li hija qalba diġitali biex naraw li Malta tkun fuq quddiem nett fl-iżviluppi teknoloġiċi li qed iseħħu ta’ kuljum fid-dinja tagħna. Ser inkunu qed ngħinu b’xejn inqas minn €30 miljun biex l-intrapriżi tagħna jagħmlu t-tibdiliet meħtieġa fl-istrutturi tagħhom u jaddottaw sistemi diġitali avvanzati li permezz tagħhom ikomplu jtejbu l-operat tagħhom. B’dan l-investiment qawwi fid-diġitali irridu li nlaħħqu mal-avvanzi li qed isiru fid-dinja f’dik li hija Intelliġenza Artifiċjali (AI) bil-għan li kulħadd ikun f’pożizzjoni li jagħmel l-aqwa użu minn din l-għodda ġdida li għandna għad-diżpozzjoni tagħna.
Mingħajr l-ebda dubju, it-twettiq tal-Budget 2026 se jkun wieħed li jkompli jikkonferma kemm huwa mportanti li l-pajjiż jibqa’ fid-direzzjoni li jkabbar l-ekonomija tiegħu għaliex għandna l-prova li permezz ta’ dan it-tkabbir, pajjiżna għandu tassew finanzi fis-sod li qed jippermettulna nagħmlu dawn l-investimenti kollha fil-pajjiż. L-istituzzjonijiet Ewropej u dawk finanzjarji qegħdin ifaħħru id-direzzjoni ta’ pajjizna u jindikawlna li se nkomplu mexjin bis-saħħa ‘l quddiem. Budget 2026 huwa strument li permezz tiegħu se nkomplu mexjin f’din it-triq tal-progress.

