Tuesday, January 6, 2026

Lejn kwalità ta’ ħajja aħjar: Tnedija ta’ Borża ta’ Studju għal Dottorat dwar in-nuqqas ta’ vista

Aqra wkoll

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fl-Università ta’ Malta, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti ħabbar it-tnedija ta’ proġett ġdid ta’ Dottorat dwar in-nuqqas ta’ vista, iffinanzjat mill-Fondazzjoni għall-Aċċessibbiltà fit-Teknoloġija tal-Informazzjoni (FITA). Dan il-proġett ta’ riċerka se jiffoka b’mod partikolari fuq it-tfal u l-adolexxenti neqsin mid-dawl u l-familji tagħhom, b’enfasi fuq id-dimensjonijiet soċjali, id-drittijiet u l-esperjenzi ta’ ħajja tagħhom.

Is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti saħaq fuq l-importanza tar-riċerka bħala għodda essenzjali biex jinftiehmu aħjar ir-realtajiet li jgħixu fihom il-persuni b’diżabilità. Huwa enfasizza, “L-esperjenzi tagħhom huma ffurmati mhux biss mill-kundizzjoni nnifisha iżda wkoll minn fatturi soċjali li jistgħu jew isaħħu l-inklużjoni jew joħolqu ostakli u nuqqas ta’ opportunitajiet indaqs. Infakkar li d-diżabilità hija kwistjoni ta’ drittijiet fundamentali, u li r-riċerka għandha rwol kruċjali fit-tisħiħ u l-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet.”

Is-Segretarju Parlamentari rrefera għall-avvanzi li għamlet Malta f’dawn l-aħħar snin fil-qasam tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità, fosthom id-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar Opportunitajiet Indaqs u l-Att dwar il-Konvenzjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, li llum hija parti integrali mil-liġi Maltija. Din il-ħidma kkordinata mill-Ministeru għall-Inklużjoni hija ggwidata mill-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, li tisħaq ukoll dwar l-obbligu tal-Istat li jieħu tali inizjattivi ta’ riċerka. L-implimentazzjoni effettiva ta’ dawn id-drittijiet teħtieġ għarfien dettaljat tal-bżonnijiet speċifiċi ta’ gruppi differenti, inklużi persuni neqsin mid-dawl, sabiex il-politika pubblika tkun tassew inklussiva u bbażata fuq l-evidenza.

Il-proġett ta’ Dottorat se jitwettaq taħt is-superviżjoni tad-Dipartiment tal-Istudji dwar id-Diżabilità fi ħdan il-Fakultà għall-Benesseri Soċjali fl-Università ta’ Malta, u se jikkumplimenta studji eżistenti bħall-Malta Eye Study kif ukoll ir-riċerka li qed issir b’kollaborazzjoni mal-Malta Trust Foundation bħala parti mill-Vision Project tagħha. Ir-riżultati mistennija jidentifikaw lakuni fis-servizzi, bżonnijiet ta’ sapport u opportunitajiet ta’ żvilupp ta’ politika f’oqsma bħall-edukazzjoni, l-impjieg, l-inklużjoni fil-komunità u l-għajxien indipendenti.

Min-naħa tagħha, Marie Louise Coleiro Preca, Chairperson tal-Malta Trust Foundation, saħqet fuq l-importanza ta’ riċerka li tpoġġi lill-persuna fiċ-ċentru u li tagħti vuċi lill-esperjenzi reali ta’ persuni neqsin mid-dawl u tal-familji tagħhom. “Permezz ta’ riċerka bbażata fuq l-evidenza u fuq id-drittijiet tal-bniedem, nistgħu nidentifikaw b’mod ċar fejn hemm bżonn ta’ aktar sapport, kif ukoll kif nistgħu nsaħħu servizzi u politiki li jtejbu l-kwalità tal-ħajja. Il-Malta Trust Foundation temmen bis-sħiħ li riċerka bħal din hija kruċjali biex nibnu soċjetà aktar ġusta, inklussiva u li tassew ma tħalli lil ħadd barra.”

Min-naħa tagħha, il-Professur Anne Marie Callus, li se tkun qed tipprovdi l-gwida akkademika għal dan il-proġett, enfasizzat kif riċerka b’dan il-fokus tista’ twassal għal fehim aktar profond tal-esperjenzi ta’ tfal u adolexxenti neqsin mid-dawl u tal-familji tagħhom. Hija spjegat li studji bħal dawn huma kruċjali biex jiġu identifikati kemm il-prattiki tajbin li qed jagħtu riżultati pożittivi, kif ukoll l-isfidi u l-ostakli li għadhom jillimitaw il-parteċipazzjoni sħiħa u l-opportunitajiet indaqs fis-soċjetà Maltija. Hija żiedet tgħid li l-għarfien miksub minn din ir-riċerka se jikkontribwixxi direttament għall-iżvilupp ta’ servizzi aħjar, politiki aktar sensittivi u soċjetà aktar inklussiva, filwaqt li jsaħħaħ il-viżjoni ta’ Malta li tkun pajjiż li jpoġġi d-dinjità, id-drittijiet u l-potenzjal ta’ kull persuna fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu

Permezz ta’ din l-inizjattiva, is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni jkompli jsaħħaħ l-impenn tiegħu favur riċerka ta’ kwalità li tkun rilevanti għall-politika pubblika, tippromwovi l-inklużjoni soċjali u tikkontribwixxi għal kwalità ta’ ħajja aħjar għal persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom. Din l-inizjattiva hija l-ewwel waħda minn sensiela ta’ inizjattivi ta’ riċerka li s-Segretarjat Parlamentari se jkun qed jħabbar matul is-sena l-ġdida.

Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jikkuntattja d-Dipartiment tal-Istudji dwar id-Diżabilità fi ħdan l-Università ta’ Malta fuq [email protected].

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport