Monday, July 28, 2025

‘Lejn l-esperjenza tiegħi ma’ Kirkop United FC qed inħares b’mod pożittiv … irrid nieħu ammont ta’ logħob kemm jista’ jkun, nerġa’ nsib il-kunfidenza tiegħi’ – Zachary Chetcuti

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Minn età żgħira, missieri introduċieni għall-futbol u minn hemm bdiet l-imħabba tiegħi għal dan l-isport. Dejjem urejt interess, u kont inħobb immur it-taħriġ – il-futbol għalija huwa passjoni kbira u nixtieq nagħmel suċċess fih.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Kirkop United FC?

Lejn l-esperjenza tiegħi ma’ Kirkop United FC qed inħares b’mod pożittiv – irrid nieħu ammont ta’ logħob kemm jista’ jkun, nerġa’ nsib il-kunfidenza tiegħi, u naħdem flimkien mal-kowċ u mat-tim biex nilħqu l-għanijiet kollettivi. Il-klabb għandu ambjent familjari ħafna, fejn tħossok milqugħ u apprezzat. Hemm struttura tajba u organizzazzjoni professjonali li tgħinek tikber bħala plejer. Il-kowċ juri fiduċja fina l-plejers, jinkoraġġina, u joħroġ l-aħjar minnha – mhux biss fuq il-grawnd imma wkoll fuq livell personali u mentali.

Iddeskrivi l-esperjenzi passati tiegħek fil-futbol qabel ingħaqadt ma’ Kirkop United FC.

Fuq livell personali, kont parti mill-iSkola Nazzjonali tal-iSport (NSS) u anke mal-iskwadri nazzjonali ta’ etajiet iżgħar. Sfortunatament, l-injuries fost affarijiet oħra affettwawni mentalment, iżda bqajt nirsisti u qatt ma qtajt qalbi. L-istaġun li għadda sofrejt injury li żammietni barra għal staġun sħiħ, iżda dan l-istaġun jiena determinat li nerġa nuri  x’nista’ nagħti u nġib lura l-forma tiegħi.

X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Fil-preżent, nemmen li l-futbol Malti għandu ħafna talent, imma minflok narfuh u nappoġġjawh kif suppost, ħafna drabi nagħmlu l-oppost – nrażżnuh u xi kultant ninjorawh għal raġunijiet mhux sportivi, speċjalment fil-konfront taż-żgħażagħ.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Fir-rigward tar-riżorsi u l-faċilitajiet, qed naraw titjib, iżda għad hemm bżonn aktar manutenzjoni regolari tal-grawnds fejn nitħarrġu u nilagħbu biex nevitaw injuries u nżommu livell tajjeb u sigur.

Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-futbol?

Fil-futur, nixtieq nerġa’ nsib il-kunfidenza li kellha l-verżjoni l-qadima tiegħi, intejjeb il-livell tiegħi u nilħaq il-miri tiegħi personali. L-għan tiegħi hu li nuri x’naf nagħmel u x’talent għandi, u li nieħu dak li verament jistħoqqli.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol ngħidlu li mhux se tkun triq faċli – issib min għandu aġendi personali, u injuries jistgħu jtellfulek il-momentum. Imma jekk tkun b’saħħtek mentalment, terġa’ tqum. Żomm il-familja qrib tiegħek, iftah qalbek u ħu l-appoġġ tagħhom. L-iktar ħaġa importanti – ħu gost tilgħab u sib lil min jemmen fik biex timxi ’l quddiem!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport