F’Malta, minn żmien għal żmien isiru ħafna avvenimenti sportivi li tista’ tattendi flimkien mal-familja tiegħek f’ambjent sigur u pjaċevoli. Nistgħu nsemmu logħob tal-futbol li jsiru fil-grawnds, u anke sports ieħor, fejn il-familji jistgħu jgawdu l-logħba b’serħan il-moħħ għax ikunu ċerti li huwa ambjent sigur. Insemmu wkoll il-maratoni, tiġrijiet u attivitajiet oħra bħalma huma l-fun runs li jkunu bl-għan li jibbenefika ħaddieħor fil-bżonn, u l-qligħ imur għall-karità.
Nistgħu ngħidu li klabbs sportivi u grawnds f’Malta stess bħal dawk tal-Marsa jew Ta’ Qali joffru spazji sikuri, b’ħarsien mill-uffiċjali tas-sigurtà u l-istewards. Dawn l-inizjattivi jsaħħu l-ispirtu sportiv fil-komunità u joffru mumenti ta’ divertiment għal kulħadd, iżda l-fatt li taf li dan huwa ambjent sigur għax fih hemm stewards li jaraw li qed tinżamm l-ordni u s-sigurtà hija aktar ta’ serħan il-moħħ.
Għalhekk l-abbozz ta’ liġi ppreżentat mill-Ministru Byron Camilleri f’Marzu li għadda u ġie diskuss fil-Parlament it-Tlieta li għadda, jintroduċi stewards ta’ sigurtà regolati f’Malta għall-ewwel darba. Skont din il-liġi, dawn l-istewards se jkunu liċenzjati mill-Pulizija u jimpjegawhom aġenziji speċjalizzati, wara li jlestu kors ta’ taħriġ rikonoxxut mill-AIMS u approvat mill-forzi tal-ordni. Ir-responsabbiltajiet tagħhom jinkludu l-kontroll tal-aċċess għal faċilitajiet sportivi, it-tfittxija permezz ta’ tagħmir elettroniku biex jiġi żgurat li xejn perikoluż jew ipprojbit ma jidħol, u wkoll ikunu jistgħu jintervjenu meta jkun meħtieġ, dejjem f’koordinazzjoni mal-Pulizija.
Dan żgur jgħin biex il-Pulizija tkun tista’ tiffoka fuq il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-manutenzjoni tal-ordni, filwaqt li l-istewards jiżguraw ambjent familjari u sigur waqt l-avvenimenti sportivi li jiġu organizzati f’Malta. Din iżda mhix xi ħaġa ġdida għax kif spjega l-Onorevoli Ministru għall-Intern Byron Camilleri, “dan il-kunċett ta’ stewards f’pajjiżna mhux xi ħaġa ġdida, għax jekk wieħed imur pereżempju jara logħba futbol diġà ser jara li hemm il-kunċett ta’ steward, li aħna qed nagħmlu hu li nintroduċu liġi li tirregola l-kunċett ta’ steward sabiex ikun jista’ jiġi estiż u għalhekk ikun jista’ jiġi regolat u joffri servizz aħjar u skont il-liġi f’pajjiżna.”
“Meta wieħed ser imur f’xi avveniment sportiv, u ħafna mill-Maltin żgur li marru xi darba jew oħra, anke avveniment sportivi barra l-pajjiż, meta tmur fi grawnd tal-futbol, biex nerġa’ nsemmi dan l-eżempju, jew anke sports ieħor bħal eżempju waterpolo, volleyball, u rugby, kwalunkwè sports, hemmhekk hemm ċans li ser tara l-kunċett ta’ steward jaħdem, għalhekk dan jagħti ambjent fejn mhux daqshekk ikun polizjesk, imma aktar bħala ambjent ta’ familja, sabiex insejħulu hekk, u dan li aħna nixtiequ f’pajjiżna.”
“Huwa għalhekk li qed nirregolaw l-istewards taħt ordnijiet u obbligi ċari, l-irwol tagħhom li huwa ċar ħafna fil-liġi, u għall-ewwel darba pajjiżna ser ikollu stewards regolati u pajjiżna ser ikun jista’ jimxi lejn dan il-kunċett f’avvenimenti sportivi li jiġu organizzati f’pajjiżna.” Dan ser jgħin biex l-obbligi tal-istewards ikunu ċari u tkun sistema li tiġi aktar fis-seħħ f’pajjiżna.”
Din l-inizjattiva ġiet magħmula wara konsultazzjoni mal-MFA, referees, plejers u kowċis, u ġiet deskritta bħala pass importanti biex ikun hemm is-sigurtà fl-isports, u skont il-Ministru Camilleri “aħna f’pajjiżna meta wieħed jattendi avveniment sportiv wieħed jippretendi li mmorru hemmhekk u ser nieħdu gost, u ser insibu ambjent li jilqgħek, li tieħu pjaċir bih u li tkun sigur, imma li fl-istess ħin ordnat u tkun qed tieħu gost flimkien mal-familja tiegħek.”
F’din l-intervista l-Ministru kkonferma wkoll li “se jkunu identifikabbli bħala stewards, bl-istess mod li llum hemm xi ħadd persuna tmur f’shopping mall, u jkun hemm persuna tas-sigurtà, u jkun identifikabbli, hekk ukoll l-istewards.”