Tuesday, October 14, 2025

Lejn Malta aktar ġusta, ekwa u inklussiva … Proposti tal-GWU għall-Budget 2026

Aqra wkoll

Wara li fil-ġimgħat li għaddew, il-General Workers’ Union ippreżentat lill-Gvern il-proposti tagħha għall-Budget 2026, dawn l-istess proposti ħabbrithom f’konferenza tal-aħbarijiet li saret it-Tlieta waranofsinhar. Dawn il-proposti kienu ppreżentati wkoll lill-Partit Nazzjonalista f’laqgħa li saret mal-amministrazzjoni ċentrali tal-GWU ftit tal-jiem ilu. 

Fil-proposti tagħha, il-GWU sostniet li t-tkabbir ekonomiku huwa importanti, iżda dan għandu jmur id f’id mal-ġustizzja soċjali u d-dinjità. Qalet li l-ħaddiema huma s-sinsla tal-ekonomija u li huwa biss permezz ta’ investiment fis-sigurtà, id-drittijiet u l-opportunitajiet tagħhom li Malta tista’ ssostni l-progress u tkompli tibni futur aktar reżiljenti. 

Dawn il-proposti huma mibnija mill-esperjenzi ta’ kuljum ta’ ħaddiema ġejjin mis-setturi kollha tas-soċjetà. Huma mfassla fuq l-aspirazzjonijiet tal-ġenerazzjoni żagħżugħa li qed ifittxu futur stabbli, mid-diffikultajiet li qed jaffaċċjaw il-familji, id-dinjità tal-pensjonanti li għandha tiġi mħarsa u l-vuċijiet ta’ gruppi meqjusa vulnerabbli li wkoll jistħoqqilhom protezzjoni ugwali. 

Il-GWU temmen li budget modern għandu jmur lil hinn min-numri iżda għandu jirrifletti l-prijoritajiet kollettivi tas-soċjetà u jservi bħala ‘blueprint’ għall-ġustizzja, l-inklużjoni u t-tkabbir sostenibbli. Fl-istess waqt, il-GWU enfasizzat fuq l-importanza ta’ djalogu kostruttiv u s-sħubija, b’viżjoni fuq il-kollaborazzjoni fejn il-Gvern, min iħaddem u l-ħaddiema għandhom jaħdmu flimkien biex jiżguraw li l-benefiċċji tal-progress ikunu kondiviżi b’mod wiesgħa. 

It-temi preżentati fid-dokument tal-GWU ivarjaw mill-qasam tas-saħħa għall-edukazzjoni, il-housing, il-pensjonanti u d-drittijiet tal-ħaddiema fost oħrajn. Dawn it-temi jifformaw parti ħolistika mill-viżjoni tal-GWU biex ħadd ma jitħalla jaqa’ lura. 

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja stqarr li l-messaġġ wara dawn il-proposti huwa wieħed ċar: “Is-suċċess ekonomiku ta’ Malta għandu dejjem jimxi id f’id ma’ soċjetà ġusta u mad-dinjità tal-ħaddiem.”

Huwa semma kif il-GWU qed tipproponi li jkomplu s-sussidji fuq l-enerġija u l-fjuwils biex jibqgħu jinżammu stabbiltà fil-prezzijiet, li l-COLA ma tkunx waħda taxxabbli u li jibdew diskussjonijiet biex ikun introdott il-kunċett tal-living income. 

Ma’ dawn, il-GWU ressqet proposti oħra fosthom dwar ir-riforma fl-Att dwar ix-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali, paga minima ugwali minn 16-il sena, mingħajr diskriminazzjoni skont l-età, ħlas doppju għall-Ħdud u festi pubbliċi f’kull settur u s-sħubija awtomatika fi trejdunjin tal-għażla tal-ħaddiema.

Semma wkoll il-proposta ta’ proġett pilota lejn ġimgħa ta’ xogħol ta’ 32 siegħa mingħajr telf ta’ paga. “Din teħtieġ studju. Iridu naraw l-impatt fuq l-industrija ta’ Malta, il-kompetittività, il-produttività, il-benesseri tal-ħaddiema u l-operat fuq il-post tax-xogħol, kif din tista’ ssir u kif tista’ taħdem,” qal Bugeja. 

 Bugeja tenna li fiż-żoni industrijali għandu jsir investiment f’ċentri mediċi u faċilitajiet ta’ childcare li jkunu aktar aċċessibbli għall-ħaddiema. Semma wkoll ir-right to disconnect, li fuq il-postijiet tax-xogħol ikun hemm mental health first aiders u anke li jiġu allokati aktar fondi għall-appoġġ mentali u spazji siguri għaż-żgħażagħ LGBTIQ+ u gruppi oħra vulnerabbli.

F’dak li jirrigwardja l-edukazzjoni, is-Sur Bugeja rrefera għall-programm strutturat t’apprentisti u traineeships, it-tisħiħ fl-investiment tal-iskola tas-snajja u tal-ħiliet vokazzjonali u tekniċi kif ukoll l-introduzzjoni ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet tal-ħaddiema u trejdunjins fil-kurrikulu nazzjonali. 

Bugeja kompla jgħid li: “għandu jkun hemm l-introduzzjoni ta’ skill cards f’kull settur biex tiżdied il-kwalità u s-sigurtà f’kull post tax-xogħol, regolamenti aktar stretti fuq storbju u tniġġis tal-arja, aktar żoni pedonali fil-qalba tal-villaġġi u aċċessibilità aħjar għall-persuni b’diżabilità u li titkompla l-inizjattiva ta’ Djar Affordabbli li saret bejn il-Gvern u l-Knisja.”

Dwar Għawdex, Bugeja qal li l-unjin qed tipproponi li jkun hemm espansjoni fl-edukazzjoni post-sekondarja u universitarja f’Għawdex, investimenti fi proġetti kapitali inkluż fl-Isptar t’Għawdex u li din il-gżira tibqa’ żżomm il-karatteristiċi uniċi tagħha. 

Proposti oħra li ressqet il-GWU jinkludu aktar infurzar kontra xogħol mhux iddikjarat u sfruttament u r-ratifikazzjoni ta’ konvenzjonijiet ġodda tal-ILO biex nallinjaw ruħna ma’ standards internazzjonali.

Il-GWU qed issejjaħ ukoll għal azzjoni konkreta kontra l-istorbju, ħmieġ u abbuż mill-ispazji komuni. “Malta għandha bżonn kultura ġdida ta’ rispett u responsabbiltà lejn xulxin. Id-dixxiplina ċivika hi l-bażi ta’ soċjetà ġusta, sigura u rrispettata,” qal Bugeja.

Is-Segretaru Ġenerali tal-GWU temm jgħid li “dawn il-proposti huma investiment fis-soċjetà Maltija. Soċjetà ġusta teħtieġ ekonomija ġusta. Id-dinjità, il-benesseri u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema huma l-pedament tat-tkabbir ekonomiku u soċjali li jkun wieħed sostenibbli.”

Min-naħa tiegħu, il-President tal-GWU Victor Carachi tkellem dwar il-Viżjoni Malta 2050, li l-GWU kienet ilha ħafna tisħaq fuqha, liema viżjoni se tmur lil hinn miċ-ċiklu politiku ta’ ħames snin, b’miri li għandhom jintlaħqu wkoll sa għaxar snin oħra.

Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri li qal li l-proposta tal-proġett pilota ta’ ġimgħa ta’ xogħol ta’ 32 siegħa mingħajr telf ta’ paga għandha twassal għal nisġa biex jiġu xprunati diskussjonijiet li permezz tagħhom qed naraw kif qed tinbidel id-dinja tax-xogħol u anke nilqgħu għall-eżiġenzi tal-lum. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport