Wednesday, April 24, 2024

Lejn servizz tal-Pulizija iktar fdat u b’saħħtu

Aqra wkoll

Il-Ministru Byron Camilleri jniedi l-istrateġija ta’ trasformazzjoni għall-Korp tal-Pulizija

Fil-ħames snin li ġejjin il-Korp tal-Pulizija se jkun qed jgħaddi minn trasformazzjoni li twassal għal korp tal-pulizija iktar fdat, li tittrasforma l-pulizija f’organizazzjoni iktar flessibbli u ċċentrata mal-komunità u li jiffoka wkoll fuq l-innovazzjoni u prattiċi ta’ tmexxija moderni. L-istrateġija għandha 11-il oġġettiv li biex il-Korp tal-Pulizija jasal għalihom hemm 49 azzjoni.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi spjega li b’din l-istrateġija l-Korp tal-Pulizija għandu viżjoni mġedda li taħdem għall-fiduċja tal-Korp tal-Pulizija biex nassiguraw soċjetà sigura għal kulħadd. Fid-diskors tiegħu l-Ministru Camilleri emfasizza r-rieda tal-gvern li jġib il-bidla u saħaq li kien għalhekk li l-gvern ippubblika d-dokument għax ma jiddejaq xejn li jinżamm kontabbli fuq dak imwiegħed. Il-Ministru fisser kif l-istrateġija toħloq strutturi sodi. “Fuq kollox irrid pulizija li tkun mibnija fuq l-istrutturi u mhux l-individwi, għax l-individwi, tajbin kemm huma tajbin, jiġu u jmorru,” qal il-Ministru Camilleri.

L-istrateġija titlob li tinżamm kommunikazzjoni mal-pubbliku b’mod ċar, konsistenti u trasparenti u l-pulizija tkun kontabblil f’kull ħin fejn jissaħħu salvagwardji kontra l-korruzzjoni fil-Korp tal-Pulizija. Punti oħra jaħsbu biex it-teknoloġija u l-informazzjoni jkunu fiċ-ċentru tal-ħidma operattiva tal-Korp tal-Pulizija u l-emfasi tal-Korp tal-Pulizija tmur fejn suppost u fuq xogħol li għandu jitwettaq minn korp tal-pulizija u mhux entitajiet oħra Fl-istess ħin il-Korp tal-Pulizija jaħseb għall-korp bl-ammont ta’ ħaddiema meħtieġa fejn f’kull livell fi ħdan l-Organizzazjoni għandu jkun hemm il-ħiliet u l-esperti meħtieġa. It-titjib fil-kwalita tal-ħajja tal-ħaddiema u l-Korp tal-Pulizija għandhom ikunu post tax-xogħol attrajenti.

Kien spjegat li għandhom jinħolqu pjan u struttura ta’ tmexxija biex jimplimentaw u jsostnu t-trasformazzjoni u għandhom jiġu implimentati prattiċi mir-Riżorsi Umani li jipremjaw imġieba u ħiliet li huma importanti għall-Korp. Il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà spjega li l-pubblikazzjoni ta’ din l-Istrateġija li tkopri l-ħames snin li ġejjin tibgħat sinjal b’saħħtu illi, minkejja li fil-maġġor parti xogħolna huwa wieħed reattiv, jekk verament irridu nibqgħu rilevanti f’soċjetà dinamika u moderna, hemm il-ħtieġa li nipjanaw aktar b’mod strateġiku. “Irid jingħad ukoll li l-Korp tal-Pulizija għandu l-ownership ta’ din l-Istrateġija li ma ġietx imposta fuqna minn xi external body. Fuq kollox, il-membri kollha tal-Korp kellhom l-opportunità kollha li jagħtu l-kontribut tagħhom fit-tfassil tagħha,” qal il-Kummissarju. Il-President tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Korp tal-Pulizija, il-Professur Saviour Formosa, qal li dan id-dokument ta’ strateġija jrid ikun implimentat flimkien mas-soċjetà.

Finalment, qal il-Professur Formosa, meta din l-istrateġija tkun implimentata jkollna servizz tal-pulizija li hu iktar proattiva milli reattiv. It-tfassil ta’ din l-Istrateġija kien kollu kemm hu ffinanzjat minn fondi Ewropej u fil-proċess kienet involuta l-kumpanija ta’ konsulenza ta’ fama internazzjonali PriceWaterhouseCoopers.

Sport