Meta pajjiżi oħra qed jogħtru ekonomikament, f’pajjiżna s-sitwazzjoni hi kemmxejn differenti. Mhux talli pajjiżna għandu ekonomija b’saħħitha imma t-tkabbir ekonomiku huwa wieħed kontinwu li wassal biex il-Gvern ikompli jonora miżuri bħalma huma l-COLA addizzjonali u l-in-work benefit. Bla dubju, miżuri ta’ din ix-xorta qed jgħinu biex aktar familji jtejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom. Dan kollu jmeri dak li qed jgħid il-Partit Nazzjonalista li l-għoli tal-ħajja qed jifni lill-familji Maltin.
Huwa kollu minnu li l-inflazzjoni għadha hemm speċjalment meta jitqies li pajjiżna biex jgħix jimporta kważi kollox. Allura bilfors li jkun hemm għoli tal-ħajja importata, sitwazzjoni li pajjiżna ma jistax ikollu kontroll fuqha. F’dan il-kuntent, il-Gvern konxju ta’ dan fil-jiem li għaddew mhux biss reġa’ ta lil eluf ta’ familji l-COLA addizzjonali biex itaffi l-għoli fil-prezzijiet imma ngħataw ukoll il-pagamenti tal-in-work benefit, li minnu se jgawdu mal-24,000 familja.
B’kollox bejniethom dawn il-familji se jkunu rċevew is-somma ta’ madwar €4 miljun li tkopri l-perjodu bejn April u Ġunju ta’ din is-sena. Saħansitra mill-bidu tas-sena diġà rċevew mat-€8 miljun f’dan il-benefiċċju biss. Altru milli l-Gvern mhu qed jagħmel xejn biex itaffi l-piż tal-għoli tal-ħajja.
Għalhekk aħna nistmerru kull attentat li jsir biex l-għoli tal-ħajja tiddawwar f’ballun politiku kif jaf jagħmel il-Partit Nazzjonalista. Il-poplu mhux kliem irid jisma’ imma jrid jara miżuri konkreti, li jistgħu jitwettqu u li l-ekonomija tkun tiflaħ għalihom.
Proprju huwa għalhekk li pajjiżna qed jistinka biex ikompli jsaħħaħ is-sostenibilità tal-ekonomija u tal-finanzi tal-pajjiż biex ikollu finanzi biżżejjed għal meta jkun meħtieġ. Kollox irid jittieħed f’kuntest wieħed, illi mal-impenn tiegħu biex irażżan l-għafsa tal-prezzijiet, il-Gvern irid jieħu ħsieb ukoll investimenti oħra fosthom fis-settur tal-indafa pubblika, tal-ambjent, il-kura tas-saħħa, l-infrastruttura u l-edukazzjoni.
Kieku l-finanzi tal-pajjiż u l-ekonomija ma kinux jifilħu għal dan, kieku l-Gvern ma kienx ikun f’pożizzjoni li jwettaq proġetti kbar bħal dak li qed isir fl-Imsida u kif ukoll it-twettiq tal-moll il-ġdid f’Buġibba.
Għalhekk l-għoli tal-ħajja u t-trażżin tal-prezzijiet għandu jittieħed f’kuntest ta’ politika ħolistika. Inħossuna ottimisti li l-Gvern mhux se jabbanduna lill-familji Maltin anke fejn jidħol l-għoli tal-prezzijiet u se jkompli jkun ta’ sostenn għalihom, b’mod partikolari dawk li jifilħu l-inqas fis-soċjetà.