Thursday, December 26, 2024

LEJN TITJIB FIS-SERVIZZ MEDIKU TAL-EMERĠENZA

Aqra wkoll

Il-Gvern qed ikompli jimpenja ruħu u jieħu passi biex jindirizza l-isfidi nazzjonali u anke r-realtajiet tan-nies. Dan qed jagħmlu f’diversi setturi, mhux b’inqas fis-settur tas-saħħa. Dan kollu jidher, b’mod partikolari fir-rigward tad-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei, li għal dawn l-aħħar snin kien qed ikun ikkritikat dwar id-dewmien li persuna tiffaċċja sakemm tinqeda’ mit-tobba tal-emerġenza. Bla dubju, dan qed jurta bil-kbir lil bosta u mhux darba jew tnejn li dehru kummenti fuq il-midja soċjali minħabba f’dan l-istat.

Għalkemm nemmnu li ħafna mill-kummenti u kritika kienu veritieri, madankollu mhux kollha kienu ġustifikament korretti. Il-Gvern kien konxju ta’ dawn is-sitwazzjonijiet tedjanti u serji iżda mhux la kemm wieħed isib soluzzjoni għalihom, minħabba l-volum ta’ nies li jfittxu d-dipartiment tal-emerġenza ta’ Mater Dei fil-bżonnijiet mediċi tagħhom. Bħala parti mill-miżuri biex tittaffa din il-problema, il-Ministeru tas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva ħareġ sejħa ta’ interess għall-outsourcing ta’ servizzi ta’ emerġenza mill-privat fuq bażi ta’ 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa.

B’din il-kollaborazzjoni bejn il-gvern u s-settur privat fil-qasam mediku, din l-inizjattiva mistennija tassigura li n-nies se jqattgħu ħin inqas jistennew billi, minbarra Mater Dei, se jkunu jistgħu jinqdew minn sptarijiet privati bl-ispejjeż jitħallsu kollha mill-gvern. Inizjattiva li nemmnu li se tikkumplimenta s-servizzi ta’ emerġenza li jibqgħu jingħataw minn Mater Dei bħala l-isptar ċentrali u l-pazjent ikollu aktar faċilitajiet u effiċjenza.

Mat-tħabbira ta’ din l-inizjattiva, l-interess kien wieħed sostanzjali. Minħabba f’dan, kif spjega l-Prim Ministru Robert Abela ma’ dan il-ġurnal, il-proċess tal- outsourcing tas-servizzi tal-emerġenza kellu jieħu aktar fit-tul.

Nifhmu li f’dan il-proċess hi meħtieġa l-kollaborazzjoni ta’ kulħadd. U huwa għalhekk li l-gvern irid jara li l-proċess ikun l-aħjar wieħed possibbli li jwassal biex ikun offrut l-aħjar servizz lill-pazjent iżda fuq kollox li jwassal għal tnaqqis fil-ħin ta’ stennija u l-pressjoni fuq l-Isptar Mater Dei.

Għalhekk, b’dan il-pass, il-Gvern qed ikompli mal-wegħda tiegħu li jsaħħaħ is-settur nazzjonali tas-saħħa. Dan ukoll jingħaqad mal-kullana ta’ inizjattivi li qed jiġu varati biex id-Dipartiment tal-Emerġenza ikun aktar vijabbli. Bil-pazjent jibqa’ fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet amministrattivi u tekniċi li jittieħdu.

Ekonomija

Sport