Saturday, January 25, 2025

LEJN TURIŻMU TA’ KWALITÀ

Aqra wkoll

Proprju fl-aħħar sigħat, l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika ħabbar li fir-rabaʼ kwart tas-sena 2024, it-trasport bil-baħar bejn Malta u Għawdex irreġistra żidiet fil-vjaġġi, fil-vetturi u fil-passiġġieri meta mqabbel mal-istess tliet xhur tal-2023. Ovvjament, mhemm ebda dubju li għal dawn iż-żidiet hemm is-sehem tat-turisti li jżuru pajjiżna. Illum hu fatt li Għawdex m’għadux mejjet fix-xitwa. Din il-gzira illum anke fix-xhur tax-xitwa qed tgawdi mill-ammont ta’ turisti li jżuru l-Malta u li żdiedu sew fl-aħħar snin.

Ta’ min jgħid li fl-aħħar ġimgħat ingħatat direzzjoni ġdida fejn jidħol it-turiżmu. Settur li fuqu ilna snin twal nisimgħu fejn kienu diversi dawk li saħqu matul is-snin biex inmorru għal kwalità aktar minn kwantità. Ittieħdu miżuri matul is-snin minn gvernijijiet differenti. Fl-aħħar ġimgħat ittieħdu deċiżjonijiet li issa qed joffru pedament sod għal ekonomija reżiljenti. Din issa hi mfassla biex tadatta u tirnexxi minkejja l-isfidi fuq livell globali. Dan hu importanti għax b’ekonomija reżiljenti jissaħħaħ it-turiżmu għax jinħoloq ambjent fejn is-servizzi ta’ kwalità, l-inizjativi ekoloġiċi u l-iżvilupp tal-forza tax-xogħol jistgħu jiffjorixxu. Il-miżuri li qed jittieħdu jintroduċu finanzjament sostanzjali għal infrastruttura sostenibbli, trasport u indafa pubblika, biex ikun żgurat li s-siti ta’ wirt storiku, l-ispazji pubbliċi u l-faċilitajiet turistiċi mhux biss ikunu aċċessibbli u attraenti iżda wkoll f’linja ma’ prattiki li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent. 

Qegħdin naraw żieda fil-budget allokat għall-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kif ukoll l-impenn tal-Gvern li jiffoka fuq il-kwalità milli l-kwantità.

It-turiżmu f’pajjiżna iservi bħala mezziabiex bosta Maltin isibu mpjieg li tahom lok li jimirħu fil-karriera tagħhom. It-turiżmu dejjem kien jitkejjel skont in-numru ta’ turisti li jiġu Malta. Dan għax żieda fit-turisti kienet tintrabat ma’ żieda fl-impjiegi fis-settur. Wara s-suċċess bit-turiżmu fis-sajf irnexxielna wkoll nibdew nattiraw turisti fix-xhur li mhux normalment assoċjati mas-safar. Kien hawn żmien fejn ir-ristoranti, lukandiera u negozji li joffru servizzi turistiċi ma bdewx isibu ħaddiema Maltin. Kellhom jirrikorru għal ħaddiema barranin.

Fis-settur tal-ospitalità, titjib fil-valur miżjud jirrikjedi ħidma konġunta mill-operaturi kollha. Traskuraġni jew nuqqas ta’ karezzi fis-servizz mogħti minn restorant jew lukanda partikolari tista’ ttappan ir-reputazzjoni tas-settur sħiħ. Għalhekk huwa importanti li niġbdu ħabel wieħed jekk irridu li nattiraw turisti ta’ kwalità li jifilħu jħallsu iktar u b’hekk niżguraw is-sostenibilità taż-żidiet fil-pagi. Il-Gvern hu konxju minn din l-isfida li qed jaffaċċja dan is-settur u nieda l-iSkills Pass mandatorju sabiex jiżgura li kull ħaddiem ikollu l-ħiliet bażici sabiex iwettaq xogħolu b’suċċess u jilqa lit-turist bl-aħjar mod possibli.

Nemmnu li hemm bżonn iniżjattivi u aktar ħidma biex nattiraw turiżmu ta’ kwalità. Hemm bżonn li dawk involuti fil-qasam turistiku jkollhom pjani aktar dettaljati sabiex iħajru lil ħaddiema jkomplu bil-karriera tagħhom magħhom, inkluż speċjalment b’miżuri għal bilanċ aħjar bejn il-ħidma fuq il-post tax-xogħol u l-ħajja privata tal-ħaddiem.

Nemmnu li hu importanti li naraw u nagħfsu fuq il-kwalità ta’ dawk involuti. Mill-kbir saż-żgħir. Illum il-kompetizzjoni hi kbira. Ma nistgħux naqgħu lura. Għalhekk illum aktar minn qatt qabel irridu nħarsu lejn il-kwalità.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport