Thursday, September 18, 2025

LEJN TURIŻMU TA’ KWALITÀ … 

Aqra wkoll

Meta nitkellmu dwar it-turiżmu ħafna drabi l-ewwel ħaġa li tiġi f’moħħna jkunu l-għadd ta’ turisti li jżuru dawn il-gżejjer sajf u xitwa. Dan hekk kif minn xahar għall-ieħor, sena wara l-oħra, qegħdin naraw żieda fit-turisti. Turija ta’ kemm il-pajjiż tagħna qed ikompli miexi ‘lquddiem f’dan is-settur tant importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna.

L-istatistika turi li l-għadd sħiħ tat-turisti li waslu Malta f’Lulju 2025 kien stmat li jlaħħaq l-405,263, żieda taʼ 6.2 fil-mija meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena l-oħra. L-għadd kollu tal-iljieli li t-turisti damu f’Malta kien jgħodd 2,772,593 u n-nefqa kollha laħqet l-€452.2 miljun.

Għalhekk l-andament turistiku għal din is-sena diġà qed juri xejriet mill-aktar pożittivi, kif nistennew ukoll f’dan iż-żmien tas-sena fejn l-influss tat-turisti jkun wieħed aktar b’saħħtu. Quddiem dan kollu ma nistgħux ma’ nsemmux ħidmet il-Gvern f’dan is-settur. 

Nibdew biex insemmu s-sistema tal-booking online għal viżitaturi ta’ Blue Lagoon f’Kemmuna, permezz tas-sistema “Ibbukkja, Ipproteġi, Gawdi”. Din kienet kruċjali biex f Blue Lagoon ma’ jkunx hemm iffullar ta’ nies f’daqqa. 

Però l-ħidma fi Blue Lagoon ma’ waqfitx hemm. Dan hekk kif, fil-jiem li għaddew, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-MTA flimkien ma’ Team Blue Lagoon u Mizzi Studio ħabbru diversi proposti għal rijabilitazzjoni ekoloġiċi u għal titjib tal-viżitaturi fil-bajja ta’ Blue Lagoon. 

Fost id-diversi proposti li tħabbru, hemm it-tneħħija ta’ kiosks mill-aktar parti prominenti tal-kosta tal-Blue Lagoon. Dan sabiex jinħoloq passaġġ ta’ 200 metru b’veduti mill-isbaħ u aċċessibiltà mtejba. Dan huwa pass għaqli kemm għat-turisti li jżuru pajjiżna, kif ukoll għalina l-Maltin u Għawdxin. 

Bħalissa ninsabu biss xahar ‘l bogħod mill-Budget 2026. Huwa ta’ sodisfazzjon li minn sena għal oħra l-Budget dejjem tefa’ direzzjoni fejn jidħol it-turiżmu. Budget li issa qed joffri pedament sod għal ekonomija reżiljenti. Din issa hi mfassla biex tadatta u tirnexxi u dan hu importanti għax b’ekonomija reżiljenti jissaħħaħ it-turiżmu għax jinħoloq ambjent fejn is-servizzi ta’ kwalità, l-inizjativi ekoloġiċi u l-iżvilupp tal-forza tax-xogħol jistgħu jiffjorixxu.

Quddiem dan kollu, ninsabu ottimisti li din is-sena u s-snin ta wara se jerġgħu jkunu b’saħħithom f’dan is-settur tat-turiżmu. Dan se jkun possibbli l-għaliex il-Gvern jieħu azzjoni wara oħra, jaġixxi u jaħdem sabiex is-setturi ekonomiċi kollha, inkluż dak tat-turiżmu jibqgħu b’saħħithom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport