Gabriel Spiteri, ta’ 36 sena residenti r-Rabat Għawdex dalgħodu reġa’ mill-ġdid tressaq b’arrest il-Qorti ta’ Għawdex inqas minn sebat ijiem wara li ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq każi ta’ serq oħrajn.
Kien bejn il-lejl ta’ nhar l-Erbgħa u l-Ħamis li għadda meta raġel li hu sid ta’ restorant fil-Qala daħal l-għassa tar-Rabat Għawdex u miegħu kellu lil Gabriel Spiteri.
Allegatament Spiteri seraq tablet u laptop.
Fir-rapport li għamel is-sid tar-restorant allega li minn fuq il-mobile nduna li kienet daqqet l-allarm tal-ħanut, u x’ħin daħal fuq il-kameras tas-sigurtà biex jara x’hekk ġara ra raġel fl-istess bini.
Kompla jirraporta li telaq mid-dar biex mar fir-restorant, iżda x’ħin wasal l-allegat ħalliel ma kienx għadu hemm. Għalhekk iddeċieda li jsuq lejn l-Għassa biex jagħmel ir-rapport.
Waqt li kien qiegħed isuq mit-triq tal-Qala lejn ir-Rabat lemaħ lil Spiteri miexi u f’idu kellu xi affarijiet. Kien hawn li sid ir-restorant waqqaf il-karozza u offra lift lil Spiteri b’dan tal-aħħar jaċċetta li jwasslu sar-Rabat.
Hekk kif tela’ fil-karozza, sid ir-restorant baqa’ jsuq lejn l-Għassa tar-Rabat fejn minbarra li għamel ir-rapport qal lill-pulizija li miegħu kien ħa lill-allegat ħalliel.
Spiteri, quddiem il-Maġistrat Brigitte Sultana wieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih. Id-difiża mexxija mill-Avukat Joseph Grech talbet għall-ħelsien mill-arrest bl-Ispettur Keith Xerri joġġezzjana għal din it-talba minħabba diversi raġunijiet.
Il-Maġistrat Sultana ċaħdet it-talba u ordnat li Spiteri jibqa’ jinżamm arrestat.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Tilden Tabone flimkien mal-Ispettur Keith Xerri.

