Sunday, November 3, 2024

L’Equipe Summer League: Macedonia u Leġġendarji jżommu l-ewwel post

Aqra wkoll

Macedonia u Leġġendarji AFC baqgħu jżommu l-ewwel post fil-grupp rispettiv tagħhom wara rebħiet tajba li kellhom fl-Equipe Summer League li issa wasal fis-seba’ ġimgħa tiegħu.

Macedonia għandhom 19-il punt minn seba’ logħbiet hekk kif rebħu konfront dirett kontra Marsaskala bl-iskor ta’ 5-2. Tliet punti kienu qed jifirdu dawn iż-żewġ timijiet, b’Macedonia li bdew tajjeb filwaqt li żammew il-kontroll tal-logħba minkejja r-reazzjoni furjuża min-naħa tal-Iskalin.

Jovanche Angelovski skorja doppjetta b’Mark Zammit, Aleksandar Stojanovski u Daniel Stojanov iżidu aktar gowls għat-tim tagħhom.

Għal Marsaskala kienu Craig Pickard u Bertram Azzopardi li sabu x-xibka.

Min-naħa l-oħra, Niupi FC, ROA Brothers u FM Interiors kisbu rebħiet kbar kontra Kanon Gaming (24-2), De Fonseca (14-5) u Aston Birra (9-1) rispettivament. Dawn it-tliet timijiet issa jinsabu fit-tieni post tal-klassifika u għalhekk tliet punti bogħod mil-liders Macedonia.

All Blacks telgħu fit-tmien post tal-klassifika wara li għelbu lil Ernst and Young 9-3 filwaqt li Master R United baqgħu jżommu l-pass ma’ ta’ fuq għalkemm batew biex għelbu lil Flutter 4-3.

Fi grupp B, Leġġendarji AFC baqgħu jiddominaw u kisbu s-sitt rebħa staġjonali wara rebħa ta’ 6-2 f’konfront ieħor dirett kontra Spartans. Punt biss kien qed jifred lil dawn iż-żewġ timijiet bi Spartans li ppruvaw jilagħbu l-logħba tipika tagħhom għalkemm Leġġendarji kellhom ideat oħra u skorja sitt gowls kontra t-tnejn tal-avversarji tagħhom. Davide Martini u Alessio Restuccia spikkaw għal Leġġendarji meta skorjaw doppjetta kull wieħed.

Orthodox Wizards komplew jikkonvinċu tant li għelbu lil CFDS bl-iskor kbir ta’ 12-1.

Min-naħa l-oħra, La Famiglia resqu aktar viċin it-timijiet ta’ fuq hekk kif kisbu rebħa tajba ta’ 8-4 kontra Dynamo Lynx.

Patatanaikos komplew bil-mument pożittiv tagħhom hekk kif ġabu fix-xejn l-isfida ta’ Madballerz bl-iskor finali jkun dak ta’ 8-0.

Azzurri u Spurs offrew partita mill-isbaħ fejn fiha ġew skorjati xejn inqas minn 11-il gowl. Fl-aħħar mill-aħħar kienu Azzurri li rebħu 6-5.

Finalment Pentasia rebħu l-ewwel partita tagħhom tal-istaġun hekk kif għelbu lil Mapfre MSV Life 7-5.

KLASSIFIKA – Grupp A

Macedonia 19, Niupi FC, ROA Brothers, FM Interiors 16, Master R United 15, Marsaskala 13, Flutter 10, All Black 9, De Fonseca 6, Aston Birra 3, Ernst and Young, Kanon Gaming 0


KLASSIFIKA – Grupp B

Leġġendarji AFC 19, Orthodox Wizards 17, La Famiglia, Spartans 15, Patatanaikos 13, Azzurri 12, Madballerz 11, Spurs 6, Mapfre MSV Life 4, Dynamo Lynx, CFDS Pentasia 3

Sport