Masters R United wettqu waħda mis-sorpriżi mis-sitt ġurnata ta’ L’Equipe Summer League meta taw l-ewwel telfa lil ROA Brothers hekk kif għelbuhom 4-3.
Minn grupp B, iċ-champions Leġġendarji AFC ġew miżmuma fi dro ta’ 3-3 minn Orthodox Wizards sabiex Spartans approfittaw hekk kif għelbu lil Pentasia 12-4.
Wara din is-sitt ġurnata, li fihom intlagħbu nofs il-logħob mill-fażi tal-gruppi, il-klassifiċi rispettivi huma ferm viċin xulxin, l-aktar fi grupp A fejn l-ewwel sitt timijiet huma mifruda biss b’erba’ punti.
Master R United ħasdu lil ROA Brothers hekk kif għelbuhom 4-3. Kienet logħba ferm sabiħa biż-żewġ naħat li pproduċew futbol sabiħ u bir-riżultat li baqa’ inċert sal-aħħar.
Nicholas Damato, Christian Bezzina, Alex Abdilla u Herbert Spiteri kienu l-eroj għal United hekk kif niżżlu isimhom fost l-iskorers filwaqt li Cristi Diaconu, Radu Vlase u Raul Moraru rrispondew għal ROA Brothers.
Sadanittant Macedonia baqgħu għaddejjin bit-triq tar-rebħ hekk kif għelbu lil Aston Birra 11-2 u jinsabu waħedhom fl-ewwel post tal-klassifika. Aleksandar Stojanovski skorja erba’ gowls b’Daniel Stojanov li kien awtur ta’ hat-trick.
ROA Brothers ġew milħuqa minn Niupi FC, Marsaskala u FM Interiors li rebħu l-logħbiet rispettivi tagħhom kontra De Fonseca (8-1), Kanon Gaming (8-1) u Ernst and Young (9-0).
Flutter kisbu rebħa importanti ta’ 5-4 kontra All Black sabiex fetħu tama ġdida li jispiċċaw mat-tieni nofs tal-klassifika.
Minn grupp B, Leġġendarji AFC kellhom jikkuntentaw bi dro ta’ 3-3 kontra Orthodox Wizards.
Joao Orban, Neil Micallef u Jose GP skorjaw għal Leġġendarji filwaqt li doppjetta ta’ Milos Stojanovic u Aleksandar Ribic irrispondew għal Orthodox. Dawn tal-aħħar taw qalbhom tul din il-partita u rnexxielhom iwettqu reazzjoni li tathom punt minn din il-partita. Huma issa jinsabu waħedhom fit-tielet post tal-klassifika.
Spartans irritornaw għar-rebħ hekk kif għelbu lil Pentasia 12-4.
La Famiglia jinsabu fir-raba’ post tal-klassifika wara rebħa ta’ 5-1 kontra Azzurri filwaqt li għandhom punt vantaġġ minn Madballerz li ġew miżmuma fi dro ta’ 4-4 minn Spurs
Patatanaikos komplew bil-forma pożittiva tagħhom filwaqt li kisbu rebħa kbira ta’ 12-2 kontra Mapfre MSV Life filwaqt li CFDS kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun hekk kif għelbu lil Dynamo Lynx 7-5.
KLASSIFIKA – Grupp A
Macedonia 16, Niupi FC, ROA Brothers, Marsaskala, FM Interiors 13, Master R United 12, Flutter 10, De Fonseca, All Black 6, Aston Birra 3, Ernst and Young, Kanon Gaming 0
KLASSIFIKA – Grupp B
Leġġendarji AFC 16, Spartans 15, Orthodox Wizards 14, La Famiglia 12, Madballerz 11, Patatanaikos 10, Azzurri 9, Spurs 6, Mapfre MSV Life 4, Dynamo Lynx, CFDS 3, Pentasia 0