Fil-jiem li għaddew intlagħbu wkoll il-finali ta’ L’Equipe Gozo Summer League fejn ir-rebbieħa kienu Ta’ Qali United li f’finali verament eċitanti għelbu lil White Eagles Gozo bl-iskor ta’ 3-2. Kienet partita ta’ botta u risposta bejn żewġ timijiet li riedu akkost ta’ kollox jirbħu din il-finali.
Fl-aħħar mill-aħħar kienu t-tim minn Ta’ Qali li kiseb dan is-suċċess hekk kif skorja l-gowls tiegħu permezz ta’ doppjetta ta’ Yao Koduah Ahenkan u gowl ieħor ta’ Godwin Yao Boas. White Eagles Gozo baqgħu fil-partita u skorjaw żewġ gowls permezz ta’ Darko Krstic u Predrag Djorovic.
Fil-finali l-oħra, Dizzy Old Man rebħu lil Gaudos Knights 2-0 wara l-għoti tal-penalties. Kienet logħba ferm bilanċjata għalkemm id-difiżi rispettivi annullaw kif setgħu lill-attakkanti rispettivi. Hekk kif fil-ħin regolamentari ma sar l-ebda gowl, Dizzy Old Man kienu aktar tajbin fl-għoti tal-penalties hekk kif skorjaw darbtejn mingħajr risposta.