Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imhabba tiegħi lejn il-futbol bdiet bis-saħħa taz-ziju tiegħi. Meta kont żgħir kont immur nara l-logħob tal-futbol miegħu u minn hemm ħassejt ix-xewqa li nibda nilgħab il-futbol jien ukoll.
Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek ma’ Hamrun Spartans FC.
Hamrun kien l-ewwel klabb tiegħi fejn bdejt mill-etá ta’ 3 snin sakemm kelli 19-il sena. Mal-Hamrun iffirmajt l-ewwel kuntratt professjonali tiegħi kif ukoll iddebuttajt mal-iskwadra ewlenija. Hija esperjenza sabiħa ħafna li tirbaħ il- league mar-raħal fejn twelidt u tghix u li tkun ilek tittrenja maghom mil- akkademija u tibqa’ tiela’ sat-tim tal-kbar. Magħhom, tgħallimt ħafna affarijiet li ffurmawni fil-plejer li jien bħalissa.
U dik preżenti ma’ Zurrieq FC.
Zurrieq FC huwa l-ewwel klabb tiegħi lil hinn mill-Hamrun u kienet sfida għalija personali biex nieħu posti mal-iskwadra ewlenija. Nemmen li kienet deċiżjoni tajba ħafna li għenitni nitjieb bħala plejer u noħroġ mill-‘comfort zone’ tiegħi. Din hija t-tielet sena tiegħi ma’ Zurrieq u ninsab kuntent magħhom.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?
It-tragward tagħna għal dan l-istaġun huwa dak li niġu mal-ewwel tmienja fil- klassifika.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Nemmen li l-livell tal-futbol Malti mexa’ ‘l quddiem imma ovvjament dejjjem jista’ jitjieb. Jekk tara l-BOV Challenge League, id-distakk tal-punti bejn it- timijiet fil-klassifika huwa wieħed żgħir, u kull tim fil-kampjonat jista’ jagħti sfida lil kull tim.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob tagħkom?
Bħala riżorsi, nemmen li sar progress, imma xorta ħemm xogħol x’isir.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Lest li nkompli naħdem, nagħmel sagrifiċċji, nitgħallem affarijiet ġodda u nilgħab il-futbol bl-istess imhabba u dedikazzjoni li dejjem kelli lejn dan l-isport filwaqt li nżomm saqajja mal-art.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Fil-futbol iridu jsiru ħafna sagrifiċċji. Dejjem trid tkun lest titgħallem affarijiet ġodda u taċċetta kritika kostruttiva. Ma tistax taħseb li taf kollox u dejjem trid iżżomm saqajk mal-art. Ma jistax ikun dejjem tkun għaddej minn żmien faċli, imma meta tkun għaddej min perjodu iebes, hemmhekk irid joħroġ il-veru karattru tiegħek!