Tuesday, May 13, 2025

Lesta nagħti l-almu tiegħi kollu u nkun ta’ unur għal pajjiżna – Martha Spiteri

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?

L-iskola dejjem kont ħerqana fejn jidħol l-isport, u minn dejjem kont nipparteċipa fl-attivitajiet sportivi li kienu jiġu organizzati. Fl-iSports Day dejjem kont nispikka partikolarment fit-tlielaq li kien ikollna. L-għalliema tal-attività fiżika kienet ħeġġet lil ommi biex nibda l-atletika u għaldaqstant, ta’ 9 snin bdejt nipprattika l-isport maż-Żurrieq Wolves Athletics Club, fejn kont bdejt nitħarreg fil-grawnd lokali tal-futbol, u eventwalment it-trekk tal-Marsa. Minn hemm l-imħabba lejn l-atletika baqgħet tikber sal-lum il-ġurnata.

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek s’issa?


Li nirrapreżenta lil Malta f’kompetizzjonijiet internazzjonali huwa għalija unur u suċċess kbir. Fosthom hemm il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar u l-Kampjonati tat-Timijiet Ewropej, fejn jien flimkien mat-tim tiegħi, rbaħna medalja tad-deheb fl-iSwedish Relay, esperjenza li m’jien se ninsa qatt! 

Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?

Nista’ ngħid li l-livell tal-atletika f’pajjiżna qed jikber b’mod kostanti, speċjalment fil-kategoriji iż-żgħar. Qed naraw aktar atleti żgħażagħ juru potenzjal u jieħdu sehem b’motivazzjoni kbira.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Il-faċilitajiet u s-servizzi li għandna llum mhumiex bħal dawk li kelli aċċess għalihom għaxar snin ilu. Hemm żgur titjib u l-għajnuna qiegħda tikber. Madankollu, għad hemm ħafna aktar x’jista’ jsir, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-manutenzjoni tal-faċilitajiet.

Kif qed tħares lejn il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2025 f’Andorra?

Nista’ ngħid li dan l-istaġun jien u l-kowċ tiegħi, Kevin Galea, ħdimna ħafna biex naslu sa fejn qegħdin illum. Ninsab determinata mhux biss biex nikkompeti, imma biex nagħti prestazzjoni li tirrifletti x-xogħol kollu li sar. Lesta nagħti l-almu tiegħi kollu u nkun ta’ unur għal pajjiżna.

U lejn il-futur tiegħek fl-atletika?

Bħala atleta, dejjem ħarist lejn il-konsistenza aktar milli l-pożizzjoni li niġi fiha. Għalhekk se nibqa’ naħdem biex intejjeb il-ħinijiet personali tiegħi u nkun dejjem konsistenti. L-atletika ttini sodisfazzjon kbir, mhux biss meta nirbaħ jew nikseb riżultati tajbin, imma wkoll meta nkun kapaċi nkun reżiljenti u negħleb l-isfidi li niltaqa’ magħhom fil-karriera tiegħi.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.

Il-messaġġ tiegħi hu li jekk tixtieq timpenja ruħek f’dan l-isport, go for it u qatt tħalli lil ħadd jikkonvinċik li m’intix tajjeb biżżejjed. Meta tagħti kollox għal dak li temmen fih, u tkun determinat u dixxiplinat, dejjem hemm triq biex tasal fejn tixtieq!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport