Monday, February 23, 2026

Lesti 7 toroq mill-wegħda ta’ 100 triq residenzjali għat-tliet snin li ġejjin

Jitlestew Triq Ras in-Newwiela f’Ta’ Sannat, Triq Wied Juno u Triq Għajn Abdul, f’Ta’ Kerċem, filwaqt li għaddej ix-xogħol fuq Triq Ta’ Spiteri f’Ta’ Kerċem ukoll

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar li tlestew tliet toroq oħra, Triq Ras in-Newwiela f’Ta’ Sannat, Triq Wied Juno u Triq Għajn Abdul f’Ta’ Kerċem, filwaqt li għaddejjin ix-xogħlijiet fuq Triq Ta’ Spiteri f’Kerċem.

Wara li nbidlu l-mains tal-ilma f’parti minn Triq Seguna u parti minn Triq Ras in-Newwiela, f’Ta Sannat, mill-WSC, ingħata wiċċ ġdid lil dawn il-partijiet ta’ toroq residenzjali. Sar ukoll xogħol estensiv sabiex jinbnew mill-ġdid it-toroq sekondarji li jgħaqqdu lir-raħal ta’ Kerċem kif ukoll Santa Luċija mar-raħal ta’ San Lawrenz. Dan il-proġett f’Ta’ Kerċem jinkludi interventi fuq tul totali ta’ 2.7 kilometri, li jkopru firxa ta’ madwar 18,000m².

Il-Ministru Camilleri spjega li “din hija link sekondarja li se tkun qiegħda sservi mhux biss għall-bdiewa tal-madwar, iżda dawn iż-żewġ kilometri ta’ toroq se jkunu qed jagħtu wkoll servizz sekondarju aħjar bejn iż-żewġ irħula. Dan huwa investiment b’Fondi Ewropej sabiex Triq Wied Juno kif ukoll Triq Għajn Abdul huma issa prattikament lesti. Bħalissa wkoll għaddejjin l-aħħar xogħlijiet fuq Triq Spiteri li mistennija wkoll tkun lesta fil-ġimgħat li ġejjin. Dan huwa investiment li qed isir fit-toroq tagħna, investiment f’toroq residenzjali, investiment bħalma qed isir hawnhekk f’toroq rurali però li jagħtu aċċess tajjeb ukoll liż-żoni residenzjali.”

Permezz ta’ dan l-investiment qed jissaħħaħ ukoll l-aċċess għal 57 bidwi, tiġi ffaċilitata l-konnettività ma’ 92 biċċa art agrikola, titjieb il-mobilità għall-vetturi agrikoli u servizzi essenzjali, u tissaħħaħ l-infrastruttura rurali biex tappoġġja l-iżvilupp sostenibbli tal-agrikoltura Għawdxija.

Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li ser tibqa’ għaddejja l-ħidma sabiex triq wara triq titwettaq il-wegħda ta’ 100 triq residenzjali fi tliet snin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport