Saturday, December 21, 2024

Lewandowski u Putellas l-aqwa players tas-sena tal-FIFA

Aqra wkoll

Il-bieraħ saru magħrufa r-rebbieħa tal-FIFA The Best Awards f’serata virtwali mmexxija mill-preżentaturi Reshmin Chowdhury u Jermaine Jenas.

L-iktar unuri prestiġjuż, dak ta’ The Best FIFA Player tal-irġiel u tan-nisa ġew mirbuħa mill-attakkant tal-Polonja u Bayern Munich, Robert Lewandowski, u l-attakkanta Spanjola ta’ Barcelona, Alexia Putellas, li anke hi għenet lit-team tagħha jirbaħ iċ-Champions league.

Lewndowski kellu staġun mill-aqwa meta ma setax milli jieqaf jiskorja goal wara l-ieħor tant li anke kiser ir-rekord tal-Ġermanż, Gerd Muller, meta spiċċa l-aqwa skorer tal-Bundesliga bi 43 goal.

Iż-żewġ players l-oħra li setgħu rebħu l-unur kienu Lio­nel Messi u Mohamed Salah.

L-unur tal-Coach tas-Sena tal-irġiel ntrebaħ mill-Ġermaniż ta’ Chelsea, Thomas Tuchel, li wara biss sitt xhur magħhom, rebbaħhom iċ-Champions League. 

Huwa għeleb lit-Taljan Roberto Mancini li mexxa lill-Italja għar-rebħ tal-Euro 2020 u lill-Ispanjol Pep Guardiola li mexxa lil Manchester City għar-rebħ tal-Kampjonat.

Chelsea għamlu double f’din il-kategorija meta Emma Hayes rebħet l-unur ta’ Coach tas-Sena femminili.

Il-goalkeeper ta’ Chelsea, Edouard Mendy, għaqqad hat-trick għat-team ta’ Stamford Bridge meta rebaħ l-unur ta’ The Best Goalkeeper tal-irġiel u sar l-ewwel player Afrikan li rebaħ l-unur.

L-unur min-naħa tan-nisa mar għand Christiane Endler ta’ Lyon u ċ-Ċili fuq is-saħħa tal-wirjiet sensazzjonali tagħha.

Christiane Sinclair u Cristiano Ronaldo ngħataw The Best FIFA Specal Awards għar-rekords individwali tal-goals fix-xena internazzjonali.

Erik Lamela rebaħ il-FIFA Puskas Award għall-goal rabona li skorja għal Tottenham kontra Arsenal.

Ekonomija

Sport