Monday, December 23, 2024

Lewis Hamilton isir l-ewwel sewwieq tal-Formula Wieħed li jirbaħ 100 tiġrija

Aqra wkoll

Lewis Hamilton sar l-ewwel sewwieq tal-Formula 1 li rebaħ 100 tiġrija meta ttrijonfa fil-Grand Prix tar-Russja nhar il-Ħadd biex issa għandu vantaġġ ta’ żewġ punti fuq Max Verstappen, b’dan tal-aħħar jibda t-tiġrija mill-aħħar post minħabba penalitá li ngħata nhar il-Ġimgħa iżda wettaq rimonta inkredibbli u rnexxielu jikseb post fuq il-podju.

Kienet tiġrija mill-aqwa għal Hamilton li fl-ewwel mumenti tat-tiġrija kien saħansitra fis-seba’ post. Kien biss fil-50 lap, tliet laps qabel tmiem it-tiġrija li Hamilton għadda lil Lando Norris li kien ilu fil-kmand tat-tiġrija għal ħin twil iżda mbagħad tilef il-kontroll tal-karozza minħabba ż-żlieq kawża tax-xita li karatterizzat it-tiġrija fl-aħħar mumenti tagħha. Finalment huwa temm biss fis-seba’ post – riżultat li meta wieħed janalizza l-andament tat-tiġrija jista’ jitqies bħala wieħed ferm diżappuntanti għalih.

Carlos Sainz spiċċa fit-tielet post fuq Ferrari, waqt li Daniel Ricciardo fuq McLaren u Valtteri Bottas temmew fir-raba’ u fil-ħames post rispettivament. Fernando Alonso fuq Alpine spiċċa fis-sitt post waqt li Kimi Raikkonen fuq Alfa Romeo, Sergio Perez fuq Red Bull u George Russell fuq Wiliams ikkompletaw il-kumplament tal-ewwel 10 postijiet tal-gradwatorja.

Intant, fil-kummenti tiegħu, Hamilton irringrazzja lill-ispettaturi li segwew din it-tiġrija, u qal li ma kienx ċert jekk kienx se jilħaq dan it-tragwrad uniku tal-100 rebħa fil-karriera tieghu. Dan qabel ma waqaf biex jgħannaq lil Lando Norris wara t-tiġrija tajba li kellu.

Huwa nnota kemm qed isuq tajjeb, filwaqt li rringrazzja lit-team tiegħu talli ordnalu biex jagħmel pit stop fl-aħħar tliet laps tat-tiġrija. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, huwa faħħar ukoll lir-rival Versatappen li fi kliemu kellu tiġrija brillanti fejn mill-aħħar post kiseb it-tieni post.

Ekonomija

Sport