Splużjoni li riegħdet il-ħemda ta’ waranofsinhar fid-Dwejra bejn l-Imġarr u l-Mosta, liema splużjoni nstemgħet minn għadd ta’ nħawi f’Malta u kienet segwita bi sħaba bajda u għadd ta’ splużjonijiet żgħar, qerdet il-kamra tan-nar 15 ta’ Awwissu tal-Mosta, li taħdem in-nar għall-festa ta’ Santa Marija. Sa ftit ħin qabel l-isplużjoni fil-kamra kien hemm jaħdmu 11-il persuna. Dawn irnexxielhom kollha joħorġu mill-post qabel l-ewwel splużjoni. Żewġ persuni weġġgħu ħafif u ttieħdu l-Isptar Mater Dei biex jiġu kkurati.
Bit-toroq tal-madwar jingħalqu, għal xi ħin kien hemm kommossjoni sħiħa fuq il-post, b’għadd ta’ persuni jieqfu f’toroq fil-qrib biex isegwu dak li kien għaddej, anke jekk għal xi ħinijiet baqgħu jinstemgħu splużjonijiet żgħar.
Talk.mt tkellmet mal-President tal-Għaqda Piroteknika Maltija, Josef Camilleri. Qalilna li “l-importanti f’dan il-mument hu li ħadd ma weġġa’. Li fi splużjoni bħal dik ma weġġa’ ħadd turi kemm hawn sigurtà fil-kmamar tan-nar. Is-sigurtà ġiet permezz ta’ għajnuna li kien tana l-Ministru Owen Bonnici u dik l-għajnuna ssarrfet f’miżuri ta’ sigurtà li qed naqtgħu l-frott tagħhom.”
Hu qalilna wkoll li, “nixtieq inwassal messaġġ. Kemm jista’ jkun fuq programmi u mezzi ma noqogħdux nagħmlu pressjoni kbira u żejda fuq id-dilettanti tan-nar. Din il-pressjoni m’għandniex bżonnha. Konna rranġajna biex it-toroq jingħalqu bla ħlas. Issa sirna nafu li kien hemm xi post fejn qalulhom li l-ewwel siegħa biss bla ħlas u ta’ wara jridu jħallsu. Dan hu piż li ħadd ma jiflaħ għaliha. Il-festi triduhom isiru jew ma triduhomx? Illum kollox hu mal-liġi kemm ħinijiet u anke ħsejjes ta’ murtali. Li għandna bżonn hi għajnuna biex inkomplu ntejbu dan is-settur,” qalilna Josef Camilleri.
Dwar din l-isplużjoni, waqt li għaddejjin l-investigazzjonijiet li jridu jistabbilixxu l-fatti dwarha, kollox qed jindika li l-ewwel nar beda barra minn dan il-kumpless u minħabba s-sħana nfirex malajr.
Dan is-sit tkellem ukoll mal-kunsillier Laburista Marvic Camilleri. Hu qalilna li, “bħala komunità Mostija ninsabu maħsuda u fl-istess waqt grati lejn Ommna Marija li għal darb’oħra ħelsitna minn traġedja kbira. Bħala Kunsill kull għaqda hija ferm għal qalbna u kull meta jfeġġ xi saram fuqhom nitnikktu. Il-ħsibijiet tagħna jmorru lejn il-membri kollha tas-Soċjetà Piroteknika 15 t’Awwissu u d-diriġenti ta’ din is-soċjetà. Solidarjetà ma’ sħabna d-dilettanti tal-Piroteknika u l-familjari tagħhom, filwaqt li nixtiequ fejqan ta’ malajr lil dawk li weġġgħu. Bħala komunità għandna ningħaqdu flimkien wara dawn id-dilettanti u l-familji tagħhom.”
Ta’ min jgħid li l-Kamra tan-Nar 15 ta’ Awwissu kienet splodiet fis-sena 2010 meta dakinhar kien tilef ħajtu s-segretarju ta’ din l-istess għaqda Mario Dimech.