Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Bdiet minn mindu kont żgħir, peressli missieri Cesar kien plejer tal-futbol. Dejjem kont bil-ballun viċin tiegħi minn etá żgħira u meta kont qed nikber kont immur it-taħriġ tal-klabbs tiegħu u dejjem kont narah jittrenja u l-ħolma tiegħi kienet dik li nsir plejer tal-futbol professjonali.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Valletta FC.
Hija tassew esperjenza mill-isbaħ. Dejjem kelli f’moħħi li nkun plejer tal-klabb tal- Belt. Li tkun plejer ta’ Valletta huwa unur kbir, u li rnexxieli nkun plejer tal-Belt u captain ta’ dan il-klabb tfisser ħafna għalija.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?
Nemmen li fil lghob tal pre season ma kinx et jirnexilna insibu lahjar forma tghana, imma matul il league lghoba wara lghoba bdejna insibu i team u irnexilna inkunu konsistenti u alekk qedin fejn qedin ilumm
X’tikkummenta fuq ir-rebħa storika tal-Jubilee Cup?
Ovvjament, konna nafu xi tfisser għall-klabb. Dawn it-tip ta’ Tazzi dejjem kien rebaħhom il- klabb allura kienet tfisser ħafna għall-klabb din it-Tazza għalija personali wkoll għax kien l-ewwel unur maġġur tiegħi mal-klabb.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?
It-tragwardi tagħna huma li nikkompetu, li nkunu ma’ ta’ fuq niġġieldu għall-unuri għax dik hija l-istorja tal-klabb tal-Belt u ovvjament li jirnexxilna nidħlu fl-Ewropa għall-istaġun li ġej.
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala Captain ta’ Valletta FC.
Għalija li nkun Captain ta’ Valletta FC huwa unur kbir, Jekk tara min kienu l-captains fl-istorja tal-klabb u jien illum inkun captain tal-klabb huwa ta’ unur. Dan ir-rwol iġib miegħu responsabbiltá kbira, imma huwa xi ħaġa sabiħa ħafna.
X’tikkummenta fuq it-tragward li lħaqt tal-100 partita bil-flokk ta’ Valletta FC?
Li jirnexxielek tilgħab 100 logħba bil-flokk ta’ Valletta FC hija xi ħaġa sabiħa ħafna. Kif ikkummentajtlek qabel meta saqsejtni fuq tal-captain, għamilt 100 logħba b’dan il-flokk … 60 minnhom bħala captain. Għalija dawn it-tragwardi huma affarijiet li ħa jibqgħu għal għomri u meta jien inħares lura ħa nħossni kburi bihom.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Thane Micallef?
Kowċ Thane issa ilni kważi erba’ snin naħdem miegħu. Huwa persuna professjonali ħafna, preparat, jaf x’inhu jagħmel u fl-istess ħin hu kowċ li jkun viċin ħafna l-plejer, li bħala plejer hija xi ħaġa tajba li jkollok dik ir-relazzjoni mill-qrib mal-kowċ.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Nemmen li l-livell tal-futbol Malti huwa wieħed tajjeb! Ma naqbilx li ħafna plejers Maltin ma jsibux posthom fit-tim minħabba l-għażla ta’ plejers barranin imma fl-istess ħin, il-Malti li jkun ta’ livell iġibu kemm iġibu barranin nemmen li xorta jirnexxielu jsib postu fit-tim. Tiġi minnek kemm int lest tiġġieled għal postok u tikkompeti mal-plejers li jiġu minn barra minn xtutna biex tkun tista’ tilgħab b’mod regolari.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Ovvjament il-ħsieb tiegħi huwa dak li nibqa’ nilgħab sakemm ġismi jkun jiflaħ. Jien kuntent … li nilgħab il-futbol hija l-passjoni tiegħi mindu kont żgħir imma naf li fil-futur inkun irrid nibqa’ involut fil- futbol u l-pożizzjoni tiegħi naraha jew fil-kowċing jew bħala ‘scouting recruitment’.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol, kif ukoll ieħor lill-partitarji numerużi ta’ Valletta FC.
Messaġġ li nista’ ngħaddi huwa dak li ħadd ma jagħtik xejn b’xejn fil-futbol … dak kollu li tista’ tikseb huwa dak li int tistinka u taħdem għalih. Dejjem emmen fil- kwalitá tiegħek u dejjem aħdem iktar biex dak li tixtieq fil-futbol tkun tista’ tilħqu. U lill-partitarji tal-Belt ngħidilhom grazzi talli baqgħu warajna.
Huma l-qalb ta’ dan il-klabb u huma jagħtuna s-saħħa u l-kuraġġ biex noħorġu għal kull logħba. Wasal iż-żmien biex in-nies tal-Belt jerġgħu igawdu, u dak se jirnexxi jekk nibqgħu għal ma bqajna dan l-aħħar żmien jiġifieri kollha flimkien!

