Sunday, November 10, 2024

“Li jirnexxilek tegħleb l-isfidi fix-xogħol tal-iskultura huwa l-ikbar sodisfazzjon”

L-iskultur Malti Joseph Micallef dwar il-monument ta’ San Bert fil-Għargħur.

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ħsieb li twieled fl-2016 irnexxielu jiġi mfassal biex is-Sibt li għadda ġie inawgurat il-monument San Bartilmew fil-Għargħur. Dan il-monument fil-pjazza tal-Għargħur ġie inawgurat f’għeluq il-250 sena mill-wasla tal-istatwa artistika ta’ San Bartilmew fir-raħal. Qabel l-inawgurazzjoni ta’ dan il-monument, Talk.mt tkellem mal-President tal-Għaqda Monument San Bartilmew Simon Aquilina li spjegalna ħafna dettalji dwar it-tfassil tal-pjan fosthom dwar l-għażla tal-iskultur li nħasset il-ħtieġa li dan kellu jkun xi ħadd Malti. Aquilina kellu kliem ta’ tifħir dwar ix-xogħol artistiku ta’ Joseph Micallef u qal li bħala għaqda emmnu li x-xogħol promettenti tiegħu kien jagħmlu favorit li jidħol għal din il-biċċa xogħol. 

YouTube video

Ftit jiem wara l-inawgurazzjoni ta’ xhur sħaħ ta’ ħidma, Talk.mt iltaqa’ mal-iskultur Joseph Micallef biex jaqsam magħna aktar dettalji dwar il-ħidma tiegħu fuq dan il-monument. 

Kollox beda mill-abbozz u d-disinn tal-monument. Qalilna li dan intgħoġob mill-ewwel u li minn hemm bdiet il-ħidma fuq l-estetika tal-monument f’sinkronizzazzjoni li tixraq mal-knisja. Huwa qal li ma kienx jixraq li l-monument jiġi jisraq l-attenzjoni tal-knisja u lanqas li jiġi injorat u għalhekk il-post magħżul kien maħsub ukoll biex joħloq bilanċ fl-estetika tal-pjazza tal-Għargħur. 

L-iskultur qalilna li l-monument inħadem mill-istess ġebla maqtugħa mill-istess barriera anke minħabba l-kulur tal-ġebla li ma tagħmilx sens li jkun ivarja. Rigward l-iskala użata, huwa qalilna li kull pulzier fuq l-abbozz jikkorrispondi għal pied fuq il-monument. Bħala żmien, l-iskultur qalilna li għamel kważi sentejn iffukat fuq dan il-monument u l-uniku xogħ­ol li għamel matul il-proċess kien waqt li kien qiegħed jistenna ċertu ħaddiema oħrajn li kienu bżonjużi fix-xogħol bħalma kienu dawk involuti fit-trasport u anke l-bennejja li qiegħdu xi ġebel. 

“Il-qtugħ tal-ġebel mhuwiex kantun normali, jissejħu vażi, ġebel ta’ proporzjon naqra ikbar biex ikun jista’ jinħadem ix-xogħol tal-iskultura fihom. Il-ġebla ta’ fuq ridt dimensjoni minħabba ħafna fatturi. Bħala fond ħsibt għal ftit żejjed għax fl-iskultura mhux bħat-tafal, meta tneħħi ma tistax terġa’ twaħħal allura trid tħaddem moħħok, tħalli l-materjal minn fuq wara biex imbagħad terġa’ tidħol,” spjega magħna l-iskultur.

Il-pedestall huwa ottagonali, għax l-iskultur xtaq li dan il-monument ikun xi ħaġa aktar dettaljata u l-elementi ta’ dekorazzjoni kollha li hemm saru kollox għal tmien darbiet. Wara saru erba’ skrizzjonijiet relatati ma’ San Bert.

L-uniċi żewġ affarijiet li mhu­miex maħdumin mill-ġeb­la fil-monument, huma s-sikkina f’id San Bert u r-raġġiera ta’ rasu li nħadmu mill-bronż minħabba l-fraġilità għall-elementi. 

L-Iskultur kellimna wkoll dwar id-disinn tal-ħadid li jdawwar il-monument huwa maħdum mhux biss biex jipproteġih minn ċertu tip ta’ vandaliżmu, iżda għandu wkoll element partikolari. Ma’ kull faċċata hemm tliet werqiet tat-tin li għandhom sinifikat partikolari minħabba l-fatt li fil-passat fir-raħal kien hemm ħafna siġar tat-tin. 

Rigward is-sodisfazzjon, Micallef qalilna li din kienet l-ewwel kummissjoni tiegħu ta’ dan il-kobor u li tara r-riżultat finali wara daqstant xogħol hija xi ħaġa li diffiċli tiddesriviha bid-diskors. Sfida oħra għall-iskultur kienet li l-monument ikun iserraħ l-għajn u li l-pedestall jiggwidak lejn l-istatwa. Barra minn hekk, l-għaqda esprimiet ix-xewqa li l-qaddis patrun ikun kemm jista’ jkun jixbah lill-istatwa titulari u li din tagħtih sodisfazzjon ikbar minħabba l-fatt li min ħadmu kien skultur kbir. Huwa tenna biex jgħid li bejn dawn l-isfidi kif ukoll minħabba l-fatt li l-għaqda kellha tagħżel proprju lilu għal din il-biċċa xogħol iħossu verament onorat b’dak li rnexxielhom iwettqu flimkien.

Sport