Fil-Parlament illum qed tiġi diskussa l-mozzjoni mressqa mill-Gvern li tipproponi lill-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon għall-kariga ta’ Ombudsman. Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard qal li dan il-Gvern ma marx fuq l-Oppożizzjoni u wieġeb għall-irresponsabiltà tagħhom, b’aktar irresponsabilità.
Anzi wieġeb b’responsabilità u b’maturità politika. “Ejja ma ninsewx li kieku l-Gvern m’għażilx it-triq tal-kompromess, konna se nibqgħu b’kariga staġnata. Dan għaliex b’differenza mill-Uffiċċju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika, f’din il-kariga kellna bżonn maġġoranza kwalifikata biex indaħħlu mekkaniżmu ta’ żblokk,” qal il-Ministru Attard. “Fl-ismijiet tal-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi u tal-Imħallef Emeritu Joseph Zammit Mckeon, għarafna l-ħiliet u l-kompetenza neċċessarja li nistennew mill-karigi.”
Huwa qal li kulħadd jaqbel li l-Ombudsman għandu rwol importanti fil-governanza tal-pajjiż. L-istituzzjoni tal-Ombudsman hija waħda awtonoma u distinta mill-Gvern. Fil-fatt, l-Ombudsman jirrapporta lura lill-Parlament. Il-Ministru Attard qal li l-għan prinċipali tal-uffiċċju tal-Ombudsman huwa li jkun ta’ tarka ta’ dawk l-individwi li jsofru minn xi forma ta’ att t’amministrazzjoni ħażina, t’inġustizzja, ta’ diskriminazzjoni kif ukoll kontra kull allegat abbuż ta’ poter minn awtoritajiet pubbliċi.
Qal ukoll li fid-dmir tal-Ombudsman li jinvestiga u jindirizza allegazzjonijiet t’inġustizzji li jiġu rrappurtati lilu dwar deċiżjonijiet meħuda minn dipartimenti tal-Gvern u anke minn awtoritajiet pubbliċi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu. Filwaqt li radd ħajr lis-Sur Anthony Mifsud li okkupa l-kariga ta’ Ombdusman b’serjetà u integrità mill-2016 sal-lum il-ġurnata, awgura lill-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon għall-eventwali ħidma fi ħdan din il-kariga prestiġġjuża “u żgur se jsib Gvern li jappoġġja lill-istituzzjonijiet kollha tal-pajjiż.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech iddeskriva lil Joseph Zammit McKeon bħala bniedem integru, tal-affari tiegħu u li ma jħares lejn wiċċ ħadd. Qal li “meta jkollok isem bħal Joseph Zammit McKeon biex ikun Ombudsman ma tistax ma taqbilx.” Qal ukoll li kieku l-Prim Ministru ma webbisx rasu kieku llum Zammit McKeon ilu sentejn Ombudsman. Dr Grech kompla jisħaq li kwalitajiet bħalma għandu l-Imħallef Emeritu Zammit McKeon mhux biss jammirawhom imma jidhrilhom li huma meħtieġa biex il-persuna tkun tista’ timla din il-pożizzjoni importanti fil-pajjiż. Huwa temm jisħaq li jinsab kburi li se jkollna istituzzjoni oħra, dik tal-Ombudsman għax hekk teħtieġ u hekk trid il-kostituzzjoni ta’ pajjiżna.