Sunday, November 24, 2024

“Li kieku m’aċċettajtx li nkun parti minn din ir-riċerka, kieku llum m’iniex hawn”

Robert Glynn, minn Manchester, li sentejn ilu ngħata l-aħbar li għandu kanċer rari

Aqra wkoll

Raġel li ngħata l-aħbar illi fadallu inqas minn sena ħajja, irnexxielu jegħleb il-ġlieda kontra l-marda li kien maħkum minnha bis-saħħa ta’ mediċina ġdida li kienet għadha f’fażi “esperimentali”.

Robert Glynn (51 sena), minn Worsley, Manchester, ingħata l-aħbar li għandu kanċer rari – li ma tantx kien hemm kura għalih – propju jum biss qabel m’għalaq 49 sena, waqt l-agħar żmien tal-pandemija tal-Covid-19.

“Li kieku m’aċċettajtx li nkun parti minn dan l-esperiment kliniku tal-immunotherapy, kieku llum il-ġurnata m’għadnix hawn. Meta tawni l-għażla biex nieħu sehem f’din ir-riċerka, ħtafthom fil-kelma għaliex meta tkun f’sitwazzjoni bħal din tagħmel minn kollox biex issalva,” saħaq Glynn.

Glynn, f’intervista mal-midja Ingliża Metro, jirrakkonta li kien vera b’kumbinazzjoni li indunaw bil-kanċer. Iż-żewġ tumuri kienu ilhom hemm għal sentejn sħaħ però qatt ma ħass xejn. Huwa kien mar jagħmel vista għand it-tabib fejn sarulu numru ta’ scans u testijiet tad-demm, iżda kellha tkun infezzjoni fil-bużżieqa tal-marrara li wasslithom biex jindunaw bit-tumuri – tumur fil-fwied u ieħor fl-adrenal gland.

It-trattament li ngħata, li għalissa minħabba li għadu f’fażi ta’ esperimentazzjoni ma jistax jissemma’ ismu, kien jittieħed bid-dripp. Huwa rrisponda tajjeb ħafna għal din il-kura, tant li fi ftit żmien seta’ jagħmel l-operazzjoni biex ineħħi t-tumuri. L-operazzjoni kienet ta’ suċċess, tant li ma kellux bżonn t’iktar trattament.

Sport