Friday, May 3, 2024

Li l-emenda se tiftaħ runway għall-abort tikkonferma nuqqas ta’ fiduċja fil-Professjonisti  

Aqra wkoll

Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon ukoll kien ċar fid-diskors tiegħu dwar is-suġġett. Sostna li l-ħsieb tad-dibattitu ma jagħtix lok li minn diskussjoni matura, il-parlament jgħaddi għal xi forma ta’ teatrin. 

Tkellem dwar il-fatt li hu jgħid li jifhem il-Knisja, iżda ċċara jgħid li ma jifhimx l-aġir u l-purċinellati ta’ xi wħud f’okkażjonijiet bħalma kienet l-attività organizzata l-Ħadd waranofsinhar. Żied jgħid li għalkemm ma jixtieqx li jkun għadu ħaj sa dak iż-żmien, kontra qalbu jħoss li l-Knisja miexja lejn żmien li tispiċċa qisha xi mużew. Żied jgħid li bl-atteġjament tagħhom, uħud preżenti waqt il-marċ reġgħu pruvaw jiftħu l-ġrieħi ta’ żmien is-sittinijiet. 

Saħaq li din l-emenda mhix se tintroduċi l-abort kif nafu f’pajjiżi oħra fejn minħabba diversi raġunijiet l-omm taqbad u tiddeċiedi li tittermina t-tqala, iżda li jekk hemm periklu għall-ħajja tal-omm din tiġi tterminata u jekk ikun hemm periklu ta’ saħħa relattivament gravi din tiġi salvata.  Sostna li hawn bżonn ċertezza legali f’dan il-qasam u li ż-żewġ naħat tal-Kamra jidher li qed jaqblu dwar il-bżonn ta’ xi forma ta’ legalizzazzjoni. Il-Ministru qal li hu żgur huwa li n-naħa l-oħra tal-Kamra m’għandhiex fiduċja fil-professjonisti mediċi.

Tkellem ukoll rigward id-diskors tal-Kap Eżekuttiv tal-Life Network Foundation Miriam Sciberras li qalet li l-emenda mressqa se tkun qiegħda tiftaħ runway għall-abort. Sostna li din id-dikjarazzjoni mhijiex kritika indirizzata għall-gvern li qed iressaq din l-emenda, iżda lejn l-professjonisti mediċi li qed jgħidulhom li ma jafdawhomx. Saħaq li skont dak l-argument, il-professjonisti mediċi bħal donnhom se jkunu qed jużaw din l-emenda biex iwettqu l-abort liberu.

Falzon qal ukoll li kulħadd għandu dritt jesprimi l-opinjoni tiegħu, iżda hemm dawk li jressqu l-opinjoni tagħhom u jippretendu li tkellem xi oraklu bl-Oppożizzjoni tirkeb fuq dik l-istess opinjoni u tagħmilha tagħha. “ll-Kap tal-Oppożizzjoni ġie jifraħ għax iltaqa’ darba mal-Life Network, jien iltaqajt kemm-il darba magħhom”, tenna l-Ministru.

Tkellem ukoll dwar xnigħat li l-gvern m’għandux relazzjoni tajba mal-Life Network u biex isaħħaħ l-argument tiegħu ħabbar li l-finanzjament tal-Ministeru mmexxi minnu għal din l-organizzazzjoni se jitrippla mill-valur mogħti din is-sena. Spjega li sa mit-twaqqif tal-organizzazzjoni, il-gvern għen finanzjarjament b’€35,000 fl-2020, €41,000 fl-2021 u €75,000 din is-sena. Barra minn hekk, fl-ewwel sena li ntalbet l-għajnuna tal-gvern, is-segretarjat minn butu, fi żmien il-Milied ħareġ ammont ta’ flus biex jinxtara ħalib tat-trabi.

Sport