Wednesday, August 27, 2025

‘Li lbist il-flokk tat-tim nazzjonali tal-futsal għal 33 logħba uffiċjali, għalija hija l-ikbar sodisfazzjon li jista’ jkollok fl-isport’ – Paul Bugeja

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futsal?

L-imħabba tiegħi lejn il-logħba tal-futsal bdiet b’kumbinazzjoni. Kont mort niġri t-trakak tal-Marsa u kien hemm ħabib tiegħi Leandros Calleja u stedinni għal-logħba futsal u vera ħadt gost u ċ-ċirasa fuq il-kejk kien meta rreġistrajt fil-kampjonat u wara żewġ logħbiet ġejt mgħajjat man-nazzjonal u dak li  ma rnexxilix nasal fil-logħba tal-futbol irnexxieli nasal għalih  fil-logħba tal-futsal.

Li lbist il-flokk tat-tim nazzjonali tal-futsal għal 33 logħba uffiċjali, għalija hija l-ikbar sodisfazzjon li jista’ jkollok fl-isport, u nibqa’ grat għomri kollu.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala kowċ fi ħdan Futsal Academy.

Il-Futsal Academy ġiet minn idea tat-tifel tiegħi Kieran Bugeja li jħobb il-logħba tal-futsal daqsi u huwa amministratur tal-iskola.

Fir-rwol tiegħi bħala kowċ, nemmen ħafna fid-dixxiplina u l-intensitá tas-sessjoni ta’ taħriġ u aktar minn hekk ħafna ‘small sided games’. Iktar minn hekk preparamenti tas-sessjoni li tkun preparajt u addattajt għat-tfal u li noħloq ambjent u atmosfera pożittiva u importanti, diskussjoni mal-plejers u l-iktar ħaġa importanti, paċenzja mat-tfal.

X’tikkummenta fuq il-livell u l-mentalità rigward il-futsal f’pajjiżna fil-preżent? U kemm hu importanti s-settur tal-grassroots f’dan l-isport?

Din forsi toħloq polemika hawn Malta imma sinċerament nemmen fiha.

F’etaijiet żghar nemmen li t-tfal importanti li jilagħbu l-logħba tal-futsal, imissu ballun u jkunu iktar involuti fil-logħba fejn trid tieħu deċiżjoni malajr u jkollok iktar tranżizzjonijiet għax filli tiddefendi u filli tattakka u ħafna iktar.

Eżempju huma pajjiżi bħal Spanja, il-Portugall, il-Brażil u nista’ nsemmi iktar, iż-żgħażagħ tagħhom jibdew minn hemm, imbagħad bħala plejer jagħzel it-triq li jixtieq meta jikber. 

Personalment, grazzi għal Mark Marlow u l-MFA, inħolqot akkademja tal-futsal li jien ixxurtjat li kont parti minnha għal sentejn u qed tkun ħafna ta’ ġid għaż- żgħażagħ tagħna u qed tgħinna bis-sħiħ biex inġibu riżultati pożittivi. 

L-ikbar problema għall-isport tal-futsal f’pajjiżna huma l-faċilitajiet. Diffiċli ssib courts f’ħinijiet adattati għat-tfal. Barra minn Malta rajt courts li fl-opinjoni tiegħi huma interessanti ħafna għal pajjiżna u għalhekk bħala skola fix-xitwa iddeċidejna li mmorru nittrenjaw f’pitch barra l-Qormi Hockey pitch u hekk nistgħu nkomplu bis-servizz tal-iskola tagħna u nkunu ta’ għajnuna għaż-żewġ dixxiplini.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek bħala kowċ?

Iktar milli nħares lejn il-futur tiegħi, iktar nara kif ħa nikber fil-kowċing u t-tagħlim għall-ġid tat-tfal tagħna. Apparti l-futsal nagħmel parti minn akkademja tal-futboll f’Malta – Hamrun u Malta Futsal School, u jekk hux futsal jew futbol, l-interess tiegħi huwa li ngħin fil-progress tal-plejer individwali u dejjem naraw x’oppurtunitajiet jiġu.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futsal.

L-ewwelnett nixtieq nirringrazzja lil Jonathan Pisani għax hu kien il-bniedem li ħajjarni għall-kowċing. Fl-opinjoni tiegħi dejjem, f’etaijiet żgħar nemmen li jkun tajjeb li tilgħab żewġ logħbiet futsal / futbol sakemm il-progress personali jippermetti li tagħżel liema triq hija adattata għalik.

Il-futbol kulħadd jaf fejn jista’ jwasslek u issa  l-logħba tal-futsal uriet li hemm  opportunitajiet ukoll.

Aħbar sabiħa għal pajjiżna hija dik li għandna tliet plejers Maltin li ħa jibdew avventura barra minn xtutna – Nathan Cope u Collin Sammut – żewġ talenti żgħażagħ b’futur sabiħ quddiemhom, u Gian Carlo Sammut li diġá sar champion f’kampjonat barrani.

Nixtiqilhom kull suċċess fil-futur għax huma żgur ta’ ispirazzjoni sħiħa għaż-żgħażagħ tagħna u waslu hemm żgur b’dedikazzjoni u sagrifiċċju!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport