Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn eta żgħira ħafna. Kont inħobb nilgħab mat-tfal tal-lokal, imbagħad maż-żmien, il-passjoni kibret u saret parti essenzjali minn ħajti.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Munxar Falcons FC.
Illum il-ġurnata, nista’ ngħid li l-esperjenza tiegħi ma’ Munxar Falcons FC hija waħda mill-isbaħ fil ħajja sportiva. Il-klabb sar bħal familja għalija – hemm rispett reċiproku, għaqda u dedikazzjoni minn kulħadd. Kull staġun iġib miegħu sfidi ġodda, imma bħala tim u kumitat dejjem nippruvaw nagħtu l-aħjar tagħna f’kull logħob.
X’tikkummenta fuq il-fatt li proprju fil-jiem li għaddew, ilħaqt it-tragward tal-100 partita bil-flokk ta’ Munxar Falcons FC?
Li lħaqt it-tragward tal-100 partita huwa unur kbir għalija. Juri l-konsistenza, id-dedikazzjoni u l-imħabba li għandi lejn dan il-klabb. Huwa mument li jġib sodisfazzjon kbir u jagħtini motivazzjoni biex inkompli nagħti l-mija fil-mija tiegħi.
Kif qed tħarsu lejn dan l-istaġun, hekk kif għadna fil-bidu tiegħu?
Qed inħarsu lejn dan l-istaġun b’ottimiżmu u determinazzjoni. Għandna tim b’saħħtu, u jekk nibqgħu naħdmu bħala familja u nemmnu f’dak li qed nagħmlu, nistgħu niksbu riżultati tajbin. L-għan tagħna hu li nkunu kompetittivi u nieħdu pass ‘il quddiem minn staġuni preċedenti.
Kif tqis il-livell tal-futbol Għawdxi fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Il-livell tal-futbol Għawdxi żdied b’mod sinjifikanti. Illum il-ġurnata hemm aktar professjonalitá, preparazzjoni aħjar u struttura organizzata. Il-kompetizzjoni saret aktar intensa, u kull tim għandu l-kwalitá biex jikkompeti. Tul is-snin rajt il-futbol jitjieb mhux biss fil-logħob imma wkoll fir-riżorsi u l-mentalitá.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Filwaqt li saru titjib fil-faċilitajiet, għad hemm spazju għall-iżvilupp. Il-grawnd tal- Munxar huwa tajjeb iżda żgħir ħafna, u hemm bżonn ta’ post aħjar fejn nistgħu nitħarrġu.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Inħares lejn il-futur tiegħi fil-futbol b’pożittivitá kbira. Sakemm il-ġisem u l-moħħ ikomplu jippermettuli, nixtieq nibqa’ nagħti l-kontribut tiegħi fil-grawnd.
Għaddi messaġġ finali lil kull min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-futbol jagħti ħafna, imma jitlob ukoll. Il-messaġġ tiegħi hu li qatt m’għandkom taqtgħu qalbkom. Dejjem emmmnu fikhom infuskom u ibqgħu tgħallmu kuljum u żommu dixxiplina. L-aktar importanti huwa li tgawdu kull mument!