Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn ta’ etá żgħira ħafna għax kemm missieri Ċensu kif ukoll hija Kristian iħobbu dan l-isport – infatti jien bdejt nilgħab il-football minn meta kelli biss erba’ snin!
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq it-tragward tal-400 logħba uffiċjali fil-karriera tiegħek li lħaqt proprju fil-jiem li għaddew?
Li lħaqt it-tragward tal-400 logħba uffiċjali hija xi ħaġa li jien kburi ħafna biha. Meta tibda l-karriera tiegħek, qatt ma taħseb fin-numri – trid biss tilgħab, titjieb u tgħin lit-tim. Imma meta nħares lura, dan it-tragward jirrifletti ħafna xogħol iebes, konsistenza u l-appoġġ li rċevejt tul is-snin mingħand il-familja, il-ħbieb kif ukoll il-kowċis, sħabi l-plejers u l-partitarji.
Għalija, dan it-tragward mhux biss dwar in-numru, imma dwar il-vjaġġ kollu. Kien hemm mumenti sbieħ, oħrajn diffiċli, korrimenti, rebħiet importanti u telfiet li weġġgħu – imma minn kull wieħed tgħallimt xi ħaġa. Dawn ifakkru għaliex inħobb dan l-isport!
X’tikkummenta fuq l-andament ta’ Mdina Knights FC, ta’ liema tim int il-captain, matul dan l-istaġun sa issa?
Kull staġun iġib miegħu sfidi, iżda wkoll ħafna aspetti pożittivi. Bħala grupp qed nikbru, nitjiebu u nitgħallmu iktar xi jrid minna l-kowċ wara kull partita. Nafu fejn għamilna tajjeb u wkoll fejn irridu ntejbu. L-aktar ħaġa importanti hija li żammejna mentalità b’saħħitha u l-għaqda fil grupp, li huma pedament sod għas-suċċess ta’ kull klabb.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?
L-għanijiet tagħna huma ċari: li niġġieldu f’kull partita, nitilgħu fil-klassifika u nagħmlu dak kollu possibli biex sal-aħħar tal-istaġun inkunu kemm jista’ jkun ‘il fuq fil-klassifika. Irridu nkunu konsistenti, kompetittivi u nagħtu dak kollu li nistgħu f kull partita, jekk verament irridu nikkompetu biex nitilgħu fl-Amateur League 1.
Għandna nukleu tajjeb – b’nies ta’ esperjenza u tfal li għadhom jibdew il-karriera, li flimkien nafu x’nistgħu niksbu, u jekk nibqgħu ffukati u naħdmu iebes, nistgħu nilħqu l-għanijiet tagħna!
Taqbel mal-proposta li saret li jkun hemm 11-il plejer barrani f’tim?
Il-livell tal-kampjonat jista’ jogħla, peró bla dubju ta’ xejn il-plejers Maltin jibqgħu ibatu minn bidla bħal din fejn jonqsu l-opportunitajiet biex tilgħab f’ċerti livelli tal-futbol Malti. Jekk jonqsu l- opportunatijiet għall-players Maltin, naħseb li fl-aħħar mill-aħħar, ibati t-tim nazzjonali Malti.
Taħseb li l-barranin li qed jiġu mhux dejjem qed ikunu ta’ livell ikkomparati mal-plejers Maltin?
Naħseb li kull każ hu wieħed differenti minn ieħor. Mingħajr dubju li mhux kull barrani li jiġi jilgħab Malta ikun ta’ livell, peró, hawn diversi barranin ta’ kwalitá wkoll. Wara kollox, il-club jagħmel deċiżjoni u ġieli tkun waħda tajba u ġieli tkun ħażina.
X’taħseb dwar il-kontroll tar-referees fil-futbol lokali?
Ir-referees huma umani, bħalna l-players, wara kollox. Fil-ġurnata, ġieli ssib referee li jkollu logħba tajba u ġieli jkollu logħba ħażina – madankollu dejjem tipprova żżomm ir-rispett lejn min ikun qed jirrefja l-partita – għalkemm nistqarr li f’ċerti mumenti, dan ma jkunx faċli!
X’inhuma s-sagrifiċċji li plejer tal-futbol irid jagħmel sabiex ikun tajjeb?
Is-sagrifiċċji huma kbar, speċjalment meta tikkunsidra li l-football tagħmlu fuq bażi ta’ part-time. Kulħadd ikollu x-xogħol tiegħu u naturalment il-football jeħodlok ħafna ħin matul il-ġimgħa u fil- weekends, iżda wara kollox tagħmlu mill-qalb għax hu l-isport li tant inħobb. Il-fatt li tittrenja kuljum u prattikament kull weekend ikollok il-logħob, inaqqaslek ħafna mill-ħin soċjali u inqas ħin mat-tfajla, mal-familja u mal-ħbieb.
Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol tiegħek u mal-futbol?
Il-ġranet ikunu twal – prattikament titlaq kuljum għax-xogħol kmieni filgħodu u tidħol lura d-dar għall-ħabta tad-9 ta’ filgħaxija. L-imħabba li għandi lejn l-isport hi li żżommni motivat biex inkompli nipprattika l-football u nagħmel is-sagrifiċċji neċessarji.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Ifhem, illum qed nikber – u għalhekk realistakament ma fadallix ammont ta’ snin kbar quddiemi fix-xena tal-football bħala plejer iżda sakemm inħossni għadni tajjeb fil-ground u nibqa’ nkun motivat biex nilgħab – se nkompli nilgħab u nagħti l-kontribut tiegħi mal-club li nkun qed nilgħab miegħu. Wara li nieqaf mill-isport bħala plejer, naraw jinqalgħux opportunatijiet sbieħ fix- xena tal-kowċing.
Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-futbol.
L-ewwel messaġġ hu li ħadd m’għandu jaqta’ qalbu. Matul il-karriera se jkun hemm ħafna ostakli u affarijiet li ma jiġux kif tixtieq u kif ippjanat, peró l-ebda suċċess ma jiġi b’mod faċli u trid taħdem fit- tul għalih. It-tieni punt importanti hu li dejjem għandek temmen fik innifsek – nemmen li dik kienet waħda mill-bażi tas-suċċess tiegħi personali fil-futbol!

