Wednesday, January 21, 2026

‘Li nagħmel id-debutt tiegħi mat-tim tal-kbar ta’ Hibernians FC ta’ 15-il-sena kienet esperjenza speċjali ħafna għalija’ – Amy Catania

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet meta kelli ħames snin meta in-nannu introduċieni fid-dinja tal-futbol u min dakinhar il-futbol sar parti importanti minn ħajti.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek mal-klabb tiegħek, Hibernians FC. Bħalissa qed ngħix esperjenza sabiħa ħafna mal-klabb tiegħi, fejn qishom il-familja tiegħi. Hemm ambjent pożittiv, u t-tim kollu jaħdem flimkien biex intejbu kuljum kemm individwalment kif ukoll bħala grupp.

Proprju fil-jiem li għaddew għamilt id-debutt tieghek mat-tim tal-kbar tal-Pawlisti. Agħtina iktar dettalji.

Li nagħmel id-debutt tiegħi mat-tim tal-kbar ta’ Hibernians FC ta’ 15-il-sena kienet esperjenza speċjali ħafna għalija. Kont nervuża imma fl-istess ħin kburija li l-kowċ u t-tim emmnu fija. Ippruvajt nibqa’ ffukata, nagħmel l-affarijiet sempliċi u nagħti l-aħjar tiegħi għat-tim. Din l-opportunità tatni aktar motivazzjoni biex inkompli naħdem iebes, nitgħallem u nkompli ntejjeb il-livell tiegħi.

U dik mat-tim nazzjonali.

Li nilgħab mat-tim nazzjonali huwa unur kbir għalija. Kull darba li nilbes il-flokk ta’ Malta nħossni kburija u nħoss motivazzjoni biex nagħti l-aħjar tiegħi.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim tiegħek matul dan l-istaġun sa issa?

Dan l-istaġun kellna xi sfidi iżda wkoll ħafna mumenti tajbin. Qed nitgħallmu minn kull partita u nemmen jekk inkomplu naħdmu nistgħu niksbu aktar riżultati pożittivi.

X’inhuma l-aspirazzjonijiet tagħkom għal dan l-istaġun?

L-aspirazzjoni tagħna hi li ntejbu lilna nfusna kemm fil-grawnd kif ukoll barra minnu, u forsi anke nirbħu xi ħaġa dan l-istaġun

Kif tqis il-livell tal-futbol tan-nisa f’pajjiżna fil-preżent?

Il-livell tal-futbol tan-nisa f’Malta qed jitjieb ħafna. Hemm aktar interess, aktar riżorsi u aktar impenji minn kulħadd biex it-talent lokali jikber.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Ir-riżorsi tjiebu b’mod ċar f’dawn l-aħħar snin, imma dejjem hemm spazju għal aktar. B’aktar faċilitajiet u appoġġ, il-futbol tan-nisa jista’ jkompli jespandi aktar.

Kemm hu importanti s-settur tal-grassroots fil-futbol fosthom dak tan-nisa?

Il-grassroots hu essenzjali għax minn hemm jibda kollox. Jekk inħeġġu aktar tfal jibdew jilagħbu minn età żgħira, ikollna futur iktar b’saħħtu fil-futbol tan-nisa.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Nixtieq inkompli nikber bħala plejer, inżomm ruħi motivata u forsi xi darba nilgħab barra minn Malta. L-importanti hu li nibqa’ nagħmel dak li nħobb.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Il-parir tiegħi hu li qatt m’għandek taqta’ qalbek. Il-futbol jeħtieġ dedikazzjoni, paċenzja u passjoni. Jekk temmen fik innifsek u taħdem iebes, tista’ tilħaq l-għanijiet tiegħek.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport