Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-isport?
Kelli 41 sena meta weġġajt waqt li kont fuq ix-xogċol. L-incident li kelli żammli naħa ta’ ġismi bla saħħa, tant li ma kontx niflaħ inżomm tazza f’idi. Wara sena dieħla u ħierġa l-isptar għall-visti u fiżjo-terapija, ġejt issuġġerita li nibda ‘classes’ tal-għawm. Qatt ma kont għamilt sport ħlief meta kont l-iskola. Dejjem ġibt lill-familja l-ewwel u kont nħhid li ma nsibx ċans għalija.
Bdejt nattendi klassijiet ta’ fizjo-terapija f’pixxina, bl-instructor Alice Galea (li nibqa’ grata lejha). Wara madwar sena, ratni li sejra ‘l quddiem fil-movimenti li bdejt nagħmel u ssuġġerietli li nibda ‘fitness classes’ ġo gym. Għall-ewwel bdejt immur darba fil-ġimgħa, sakemm bdejt inħoss li saħħti kienet ġejja għall-aħjar u minn darba żidt għal tliet darbiet.
Meta tibda tara progress u jkun hemm min jinkoraġġik, tħossok aħjar u dejjem tkun trid iżjed. Ħajruni ninkiteb għall-ewwel tellieqa ta’ ‘The Grid’ li saret f’Malta, meta kont għadni lanqas bdejt niġri. Kulma kont nittrenja kien l-‘upper body’.
Bdejt immur nipprova niġri u kont se nibda naqta’ qalbi, għaliex kont naqta’ wisq nifsi u t-triq kont naraha twila. Imma jien determinata u jekk inkun irrid nasal x’imkien, nipprova naħdem biex nasal.
Fl-istess sena li għamilt ‘The Grid’, inktibt ma’ sħabi għall-ewwel Spartan race tiegħi, li kienet saret fl-Awstrija. Wara din għamilt diversi Spartan races oħra, kemm barra minn Malta u anke f’Malta.
Sadanittant għamilt diversi tlielaq fit-triq u trail b’tul ta’ ħames kilometri, 10 kilomentri, nofs maratona u maratona.
Kif bdiet l-imhabba tiegħek lejn il-Hyrox?
Sentejn ilu weġġajt l-irkoppa waqt li kont qed nitħarreġ l-OCR u qaluli li kelli bżonn operazzjoni.
L-operazzjoni ma ridtx nagħmilha u ddeċidejt li nwaqqaf it-taħrig tal-OCR u nibda taħriġ fuq Hyrox, minħabba li fih anqas impatt fuq l-irkopop. S’issa dan l-isport qed jogħġobni, għalkemm isbaħ mill-OCR ma nsibx għax huwa aktar ta’ sfida.
X’successi magguri ksibt fil-karriera tieghek sa issa?
Jien li nibda u nlesti tellieqa, hu diġá suċċess għalija, meta nqis iż-żmien li għandi u kemm bdejt tard fl-isport.
Ħlejt wisq żmien, imma sewwa jgħidu li kull deni ħudu b’ġid u aħjar tard milli qatt!
Fl-OCR – Spartan races, kont ġejt ir-raba’ (fil-kategorija tal-etá tiegħi) diversi drabi, barra minn Malta u meta saret f’Malta l-ewwel darba, kont ġejt it-tieni fil-kategorija tal-etá tiegħi fit-tellieqa tal-21K (‘beast’).
Fil-Hyrox s’issa rnexxieli nitla’ darbtejt fil-World Championships – darba f’Nice 2024 u din is-sena f’Chicago. Li tikkompeti ma’ atleti barranin fl-istess kategorija tiegħek, f’dak il-livell hi diġá sodisfazzjon.
Kif tqis il-livell tal-Hyrox f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell tal-Hyrox f’Malta qed jiżdied, bħalma żdied f’pajjiżi oħra. Xejn m’għandna inqas mill-barranin. Hawn diversi gyms li joffru tagħmir tal-Hyrox u diversi ‘instructors’ tajbin. B’hekk qed ikun hawn aktar atleti li jitħajru jipprattikaw dan l-isport.
Malta għandna għalfejn inkunu kburin li għalkemm aħna pajjiż żgħir, inkunu rappreżentati b’ammont tajjeb ta’ atleti fil-World Championships.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijet uffiċjali tagħkom?
Jien ilni nitħarreġ ma’ ‘The Club’ fil-Qrendi, għal dawn l-aħħar erba’ snin. Il-post barra li hu kbir ħafna u fih it-tagħmir kollu neċessarju tal-Hyrox, il-kowċ Julian Briffa, issibu dejjem hemm biex jinkoraġġik u joffrilek taħriġ divers. Imbagħad trid tkun int f’kollox. Jiddependi minnek kemm trid taħdem biex tasal.
‘The Club’, jorganizza erba’ tlielaq tal-Hyrox fis-sena, fejn ikollu konkorrenza tajba ħafna, anke minn atleti li ma jattendux l-istess klabb.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-Hyrox?
Jien dalwaqt nagħlaq 55 sena. L-etá hemm qiegħda! Nipprova nkompli nitħarreg sakemm il-Bambin jagħtini s-saħħa u nħares ‘l quddiem biex nibqa nikkompeti f’Malta u barra minn xtutna.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ success fil-Hyrox.
Il-messaġġ tiegħi hu li jekk għadek żgħir fl-etá, fittex ibda tħarreġ f’xi sport, għaliex barra li tkun tajjeb fis-saħħa, tħossok tajjeb mentalment. Imma l-etá qatt m’għandha tkun ta’ ostaklu … iktar kemm taħsibha biex tibda llum, aħjar milli tibda għada. Is-suċċess ma jigix bil-fortuna (kif jaħsbu xi wħud) imma sforz kemm taħdem għalih, bid-dixxipplina, reżiljenza u determinazzjoni li ma taqtax qalbek biex tasal fejn tkun trid tasal. Jien nipprova ninkoraġġixxi lil ħaddiehor, għaliex jien bdejt bl-għajnuna ta’ ħaddieħor. Żomm dejjem saqajk mal-art u pass pass tasal. Meta f’tiġrija ma jkollokx ir-riżultat li xtaqt, ħares ‘l quddiem b’aktar determinazzjoni li titħarreġ, sabiex f’li jkun imissek tmur aħjar. Qatt tkun imkabbar u pprova tgħallem minn kull min joffrilek l-għajnuna u dejjem inkoraġġixxi lil ħaddiehor, ħalli jkollna pajjiż aktar b’saħħtu u determinat!