Wednesday, February 19, 2025

Li nikkowċja fil-Malta Premier hija l-ħolma aħħarija tiegħi – Matthew Psaila

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Minn meta kont żgħir, id-dar dejjem konna nsegwu l-futbol fuq it-televixin. Apparti hekk, dak iż-zmien kienet għadha drawwa li t-tfal joħorġu jilagħbu barra, u dejjem konna nispiċċaw nilagħbu l-futbol, allura qisha ġiet xi ħaġa naturali għalija li nsir inħobb dan l-isport.

Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek bħala kowċ tal-youths ta’ Valletta FC. 

Li jkollok ix-xorti li taħdem ma’ klabb glorjuż bħal ma hu Valletta FC huwa unur li nibqa’ ngħożż. Hija esperjenza li nibqa’ ngħożż mhux biss għax wasalna għar-rebħ tal-kampjonat, imma anke għall-fatt li kelli x-xorti naħdem ma’ grupp ta’ plejers ta’ talent, li uħud minnhom diġá qed ikunu utilizzati b’mod regolari mit-tim tal-kbar ta’ Valletta FC, u dak hu l-akbar sodisfazzjon li jista’ jkollok meta tkun ħdimt fis-settur tal-youths.

U dik preżenti tiegħek bhala assistant coach ta’ Mosta FC.

Dan l-istaġun huwa wieħed importanti ħafna għalija, għall-fatt li għamilt il-qabża ma’ tim tal-kbar u ġietni l-opportunitá li din il-qabża nagħmilha fil-Malta Premier. Inħoss li qed tkun esperjenza utli li minnha qed nitgħallem ħafna biex fil-futur inkun nista’ nagħmel il-pass li jmiss fil-karriera tiegħi. Apparti minn hekk, il-kowċis Joseph Grech u Mario Muscat għandhom esperjenza tista’ tgħid illum il-ġurnata vasta fil-Malta Premier u tista’ titgħallem ħafna mingħandhom.

Kemm tahdem spalla ma’ spalla mal-kowċis Joseph Grech u Mario Muscat?

Kull membru tal-istaff tekniku għandu rwol speċifiku x’jaqdi u naħseb li bħala staff tekniku kollu qed naħdmu tajjeb ħafna flimkien. Wieħed mill-irwoli tiegħi hu dak li nanalizza l-avversarji li jkun imissna nilagħbu kontrihom, flimkien niddiskutu l-pjan tal-logħba u minn hemm isir il-pjan tat-taħriġ. Ovvjament, id-deċiżjoni finali dejjem tkun tal-kowċis Joseph Grech u Mario Muscat, peró, naħdmu tajjeb ħafna flimkien bħala tim, li fl-aħħar mill-aħħar għandna l-istess għan komuni.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?

B’mod ġenerali, s’issa kellna kampjonat pożittiv ħafna. Spiccajna mal-ewwel sitta fl-ewwel rawnd tal-kampjonat, avvanzajna għar-rawnd li jmiss tal-Meridianbet FA Trophy, billi eliminajna wieħed mit-timijiet ewlenin fil-Malta Premier, u dan kollu b’baġit finanzjarju pjuttost modest meta kkomparat ma’ diversi klabbs fil-Malta Premier, apparti li ksibna dan bl-aktar skwadra b’etá medja żgħira. Żgur li dawn kollha huma fatturi pożittivi ħafna għalina.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

L-aktar tragward importanti hu li nevitaw ir-relegazzjoni malajr kemm jista’ jkun, peró, apparti dan nemmnu li għandna skwadra li biha nistgħu nispiċċaw f’pożizzjonijiet avvanzati fil-klassifika. Fl-ewwel rawnd irnexxielna nispiċċaw mal-ewwel sitta, u l-għan tagħna huwa li nirrepetu dan is-suċċess. Ovvjament konxji mill-fatt li ħafna timijiet għamlu diversi tibdiliet u saħħew l-iskwadri tagħhom, peró, għandna fiduċja sħiħa fit-talent li għandna fl-iskwadra tagħna.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Nemmen li b’mod ġenerali l-futbol malti mexa ‘l quddiem u dan jindika mill-fatt li fil-kompetizzjonijiet Ewropej saret komuni li t-timijiet Maltin javvanzaw tal-inqas rawnd wieħed. Fl-aħħar snin kellna min anke avvanza tlieta u saħansitra erba’ rawnds. Il-kritika li ssir ħafna drabi hi li l-futbol tagħna jintlagħab b’pass kajman ħafna. Ikun hemm logħbiet li iva jintlagħab b’pass xi ftit bil-mod, peró, f’ħafna mil-logħbiet żdiedet l-intensitá. Eżempju ċar huwa l-logħba li ntlagħbet fil-jiem li għaddew bejn Birkirkara u Hamrun Spartans, li forsi minkejja li ma nħolqux ħafna ċansijiet ta’ skor, l-intensitá tal-logħba kienet pjuttost waħda tajba.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Fl-aħħar snin, nemmen li sar titjib konsiderevoli. Il-klabb ta’ Mosta għandna diversi faċilitajiet, fosthom pitch 11-a-side, gym mgħammar tista’ tgħid b’kollox, lecture room, kamra fejn il-plejers jagħmlu ‘recovery’, eċċ. Waħda mill-akbar sfidi li jsib il-futbol Malti hi li għaċ-ċokon ta’ pajjiżna għandna wisq klabbs, u b’hekk il-ftit riżorsi li għandna qed jinqasmu f’ħafna biċċiet żgħar. Fejn jidħlu pitches, il-Malta Premier jintlagħab fuq pitches ta’ kwalitá pjuttost għolja, u dan meta tikkunsidra l-fatt li fuq kull pitch jintlagħbu medja ta’ tlieta sa erba’ loghbiet kull tmiem il-ġimgħa.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol? Għad narawk bħala kowċ ewlieni ta’ tim fil-Malta Premier u mhux biss assistent.

Fil-mument l-għan ewlieni tiegħi huwa li nibqa’ għatxan biex dejjem nitgħallem aktar u b’hekk nilħaq il-massimu tal-kapaċitajiet tiegħi. Fil-futur qed inħares li nimxi għall-kowċ ta’ tim tal-kbar, peró, nemmen li kollox għandu jkun bil-pass tiegħu. Li nikkowċja fil-Malta Premier hija l-ħolma aħħarija tiegħi, u jekk il-kwalitajiet tiegħi iwassluni s’hemm inkun ilħaqt tragward importanti u li ilni naħdem ħafna għalih fil-karriera tiegħi.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

L-aktar jum importanti huwa llum. Jekk trid tasal għall-ħolm ta’ għada, trid taħdem għalihom illum. It-triq mhix dejjem lixxa. Se ssib diversi tumbati u tidwir sakemm tasal. Importanti li kull jum tipprova tkun imqar 1% aħjar minn dak li kont ilbieraħ. Aħdem illum, biex tgawdi s-suċċess għada!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport