Monday, May 5, 2025

Li nirbaħ it-Tour ta’ Malta din is-sena kienet esperjenza inkredibbli għalija – Bernard Galea

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn iċ-ċikliżmu?
Minn dejjem kont inħobb noħroġ bir-rota – meta kont tifel/żagħżugħ kont kuljum fuq il-BMX tiegħi, għalkemm qatt ma kont involut fi tlielaq jew kompetizzjonijiet. Iżda l-imħabba vera għaċ-ċikliżmu bdiet aktar tard, meta xtrajt l-ewwel roadbike fit 2019. Waqt il-lockdown bdejt namel izjed training u nara titjib fil-fitness tiegħi, u hekk beda jinteressani l-aspett kompetittiv. Meta reġgħu bdew it-tlielaq wara r-restrizzjonijiet, iddeċidejt li nipprova intelaq – u minn hemm ma ħaristx lura

X’tikkummenta fuq l-aħħar suċċess waqt l-aħħar edizzjoni tat-Tour ta’ Malta?
Li nirbaħ it-Tour ta’ Malta din is-sena kienet esperjenza inkredibbli għalija. Is-sena li għaddiet spiċċajt fit-tieni post, u din ix-xitwa ħdimt aktar minn qatt qabel. Hu sabiħ ħafna meta tara l-isforz kollu jagħti frott. Din ir-rebha se nibqa niftakara għal dejjem.

X’suċċessi maġġuri oħra ksibt fil-karriera tiegħek sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?
Matul dawn l-aħħar ftit snin kelli diversi rebħiet u podiums li kollha għandhom post speċjali għalija. Imma apparti mir-rebħa fit-Tour ta’ Malta, wieħed mis-suċċessi li jiena l-iktar kburi bih hu t-tieni post f’tellieqa National B fir-Renju Unit – li hu t-tieni l-ogħla livell ta’ tellieqa nazzjonali.  

Kif tqis il-livell taċ-ċikliżmu f’pajjiżna fil-preżent?
Minn meta bdejt intelaq f’Malta tliet snin ilu, li l-livell żdied sena wara sena – u dan hu sabiħ ħafna li tara. Hemm numru ta’ ċiklisti li dedicati, qed jitħarrġu b’mod izjed serju u qed jagħtu kas tal-fitness tagħhom. Dan joħloq ambjent aktar kompetittiv u jgħin lil kulħadd jaspira għal aktar.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?
It-taħriġ għar-‘road racing’, ħafna minnu jsir f’toroq miftuħa, li f’Malta huma spiss mimlijin traffiku – u dan joħloq sfidi u perikli. Jiena ngħix fl-Ingilterra, u għalkemm it-toroq hawnhekk mhumiex perfetti, huma ftit aktar kwieti minn Malta. Il-problema ewlenija alija hawnhekk hija ix xita u kesha. F’dak li għandu x’jaqsam mal-kompetizzjonijiet, bħal ħafna affarijiet oħra f’gżira żgħira, l-għażla hi limitata. Ħafna ċiklisti li jixtiequ jkomplu jitjiebu jkollhom ifittxu esperjenzi u tlielaq barra minn Malta.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’dan l-isport?
Billi bdejt nipprattika ċ-ċikliżmu pjuttost tard u issa għandi 33 sena, naf li ma nistax nibni karriera professjonali f’dan l-isport. Għalhekk l-għan tiegħi u li nieħu gost, u sakemm nibqa’ nħoss pjaċir fit-taħriġ u fit-tiġrijiet, ser inkompli nagħmel dan bl-entużjażmu kollu. Xewqa waħda li għadni nżomm hi li xi darba nirrapreżenta lil Malta f’xi avvenimenti internazzjonali – dik tkun kisba kbira għalija personali.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika ċ-ċikliżmu.
L-ewwel ħaġa li għandek tagħmel hi li tissieħeb f’tim lokali fejn tista’ titgħallem minn ċiklisti aktar esperjenzati. Ovvjament, għandek bżonn rota, imma din m’ għandhiex għalfejn tkun xi ħaġa speċjali!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport