Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Minn mindu kont żgħir dejjem niftakarni nilgħab bil-ballun, u fil-fatt mindu tarbija l-ewwel rigal tiegħi bħala ġugarell kien il-ballun, u minn dejjem niftakarni nilgħab il-futbol.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq is-suċċess li ksibtu bħala Valletta FC bir-rebħ tal-Jubilee Cup?
Mill-bidu tal-kompetizzjoni, l-għan tagħna kien li nirbħuha, u lgħabna bħala tim li ried ikun champion. Naħseb li kien unur mistħoqq ħafna.
M’hemmx dubju li bħalissa int il-Player tal-mument fil-futbol Malti. X’inhu s-sigriet tas-suċċess tiegħek?
Is-sigriet tas-suċċess tiegħi huwa pjuttost sempliċi: Għandi 34 sena u nħossni qisni għandi 25 għax nieħu ħsieb ħafna tiegħi nnifsi—ġismi, id-dieta tiegħi, u l-irqad. Huwa għalhekk li nista’ nilgħab f’livell għoli
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?
S’issa naħseb li qed nagħmlu xogħol tajjeb ħafna. Huwa minnu li l-aħħar żewġ logħbiet fil-Kampjonat kellhom riżultati negattivi, iżda din is-sensiela tajba fil-Jubilee Cup tatna lura l-kunfidenza biex nilagħbu l-aqwa futbol tagħna
X’inhuma t-tragwarditagħkom bħala tim u tiegħek personali għal dan l-istaġun?
Li nirbħu l-Kampjonat u l-FA Trophy, u li nirbaħ l-unur tal-Aqwa Skorer u l-Aqwa Plejer … naħseb li dan ikun xenarju aktar minn perfett!
Kif tara l-livell tal-futbol Malti bħalissa u kif rajtu jinbidel matul is-snin?
Il-livell tal-futbol f’Malta qed jitjieb ma’ kull sena li tgħaddi, imma dan jiddependi wkoll mill-klabbs li qed iġibu ħafna plejers minn barra u li huma kapaċi jilagħbu l-lig kull sena.
Għaddi messaġġ finali lil dawk li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-fitbol.
Il-messaġġ li rrid inwassal lin-nies li jixtiequ jagħmlu karriera fil-futbol hu li t-talent waħdu mhux biżżejjed … trid tiddedika lilek innifsek 100%, u tistinka kuljum. Allura mbagħad iva hekk tkun tista’ tikseb suċċess f’din il-karriera!

