Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn in-netball?
L-imħabba tiegħi lejn in-netball bdiet grazzi għal ommi, li kienet, u għadha sal-lum, tilgħab in-netball. Minn età żgħira kont ngħidilha biex nieħu sehem magħha fit-taħriġ, u hekk kiber fija l-interess.. Meta kelli tmien snin bdejt nittrenja maż-żgħar mat-tim tal-Mellieħa, u minn hemm ‘il quddiem bqajt dejjem iktar inħobb il-logħba.
X’tikkumenta fuq l-andament tat-tim tiegħek, Mellieħa Netball Club, matul l-istaġun li għadda?
F’dan l-istaġun il-kampjonat nazzjonali tan-Netball inbidel għal format gdid. It-timijiet kollha ta’ kull divizjoni laghbu kontra xulxin fl-ewwel staġun biex wara nqasmu f’żewġ diviżjonijiet skont kif ġew klassifikati. L-ghan ewlieni ta dan il-format kien li jkun hemm iktar logħob kompettitiv u li tikber l-esperjenza tal-plejers meta jilagħbu kontra timijiet iktar b’saħħithom minnhom. Dan il-format ta’ logħob, għalkemm fuq il-karta deher tajjeb, meta beda jiġi attwat, nista’ ngħid li ma niżilx tajjeb mat- tim taghna. Kellna ħafna logħob u l-fatt li tilgħab ma’ timijiet superjuri irriżulta f’iktar plejers mweġġgħin u moral tat-tim baxx.
Kif qed tħarsu lejn l-istaġun li ġej?
L-istaġun li ġej għandu jkun differenti peressli l format ħa jerġa’ jinbidel għal dak oriġinali li jfisser li t-timijiet jilgħabu mill-ewwel fid-divizjoni rispettiva tagħhom. B’hekk nisperaw li mmorru ħafna aħjar bħala tim f’dan l-istaġun.
Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek mat-tim nazzjonali Malti tan-Netball.
L-ewwel darba li kelli l-opportunità nirrapreżenta lil Malta kelli biss 14-il sena, fl-2018, meta kont parti mit-tim nazzjonali ta’ taħt is-17 fl-Irlanda. Il-fatt li kont qed nittrenja ma’ dan it-tim kien diġá unur kbir għalija, iżda meta ġejt magħżula biex nirappreżenta lil pajjiżi kienet tassew sorpriża sabiħa u esperjenza li qatt ma ninsa. Minn hemm ‘il quddiem kelli l-opportunita nerġa’ nipparteċipa fl-2019 fil-Ġibiltà u fl-2020 fl-Isle of Man. Dawn l-esperjenzi mhux biss tawni sodisfazzjon personali, iżda wkoll għallmuni kemm fuq il-logħba nnifisha kif ukoll fuq id-dixxiplina, ix-xogħol f’tim u l-importanza ta’ perseveranza. Li ngħix dawn l-avventuri f’età tant żgħira tawni motivazzjoni kbira biex inkompli nikber bħala atleta u bħala persuna.
X’tikkumenta fuq il-fatt li fil jiem li għaddew ksibt l-unur tal-Aqwa Plejer tal-2025 tat-Tieni Diviżjoni waqt is-serata finali tal-unuri organizzata mil-Malta Netball Association?
Inħossni tassew grata li ġejt onorata b’dan il-premju. Li nirċievi l-unur ta’ l -Aqwa Plejer tat-Tieni Diviżjoni għas-sena 2025 huwa mhux biss suċċess personali, imma wkoll xhieda tal-appoġġ kbir li ksibt mill-kowċis, sħabi fit-tim, l-għarus u l-familja tiegħi. Dan ir-rikonoxximent jagħtini motivazzjoni akbar biex inkompli naħdem u ntejjeb il-livell tiegħi, sabiex inkun nista’ nagħti l-aħjar tiegħi kemm f’kull partita kif ukoll għall-futur tal-karriera tiegħi fin-netball.
X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa bħala plejer?
Kif semmejt qabel, waħda mill-akbar kisbiet tiegħi kienet li kelli l-unur nirrappreżenta lil Malta tliet darbiet f’kompetizzjonijiet internazzjonali, esperjenza li għamlitni kburija ħafna u tgħallimt ħafna minnha. Barra minn hekk, ksibt ukoll il-premju ta’ Best Player fit-Tieni Diviżjoni tal-Malta Netball League għal sentejn konsekuttivi – kisba personali li tfisser ħafna għalija u li tagħtini aktar motivazzjoni biex inkompli naħdem u nitjieb fil-logħba tan-Netball.
Kif tqis il-livell tan-Netball f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell tan-netball f’Malta żdied b’mod sinjifikanti fl-aħħar snin. Illum il-ġurnata, fil-World Netball Rankings, Malta tinsab fil-post numru 38, li hija kisba importanti meta tqis li ftit snin ilu lanqas biss konna inklużi fir-rankings uffiċjali. Dan il-progress hu grazzi tal-impenn u l-ħidma kbira tal-Malta Netball Association, li mhux biss investiet fit-titjib tal-logħba u t-taħriġ, iżda wkoll ħadmet sabiex in-netball isir aktar popolari u apprezzat f’pajjiżna. Grazzi għal din il-ħidma, il-plejers illum għandhom aktar opportunitajiet biex jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom u jikkompetu fuq livell ogħla.
U dak tar-riżorsi (courts) fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Bħala taħrig aħna nittrenjaw fil-court ta’ Selmun li bħala post huwa idejali. Il-fatt li huwa qrib tgħin ħafna biex inkun nista nlaħħaq mal-impenji ta’ studju u affarijiet personali oħra. Nixtieq ħafna li dan l-court jinzamm mantenut tajjeb ghax huwa krucjali għat taħriġ tiegħi u tat-tim. Il-logħob uffiċjali jsir fil-Kumpless Sportiv ta Ħal-Kirkop li nista ngħid huwa attrezzat tajjeb għal logħba tan-netball.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fin-netball?
Fil-futur tiegħi fin-netball nixtieq li inkompli ntejjeb il-livell tiegħi, kemm tekniku kif ukoll fiżiku. Nixtieq li nkompli nikber bħala atleta u nkompli nitgħallem u nsaħħaħ l-abiltajiet tiegħi. Barra minn hekk, wieħed mill-akbar ħolm tiegħi hu li nkun parti mill-Open National Team u nkun nista’ nerġa nirrappreżenta lil Malta fuq livell internazzjonali. Għalija tkun unur kbir u motivazzjoni biex naħdem aktar kuljum sabiex nilħaq dan l-għan.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ success fin-netball.
Nixtieq ngħid lil kull min għandu l-ħolma li jagħmel karriera fin-netball biex qatt ma jaqta’ qalbu. Fil-ħajja dejjem se jinqalgħu ostakli, iżda huwa propju billi tegħleb dawk l-isfidi li ssir plejer aktar b’saħħtu. Importanti li temmen fik innifsek u taħdem bla waqfien għal dak li verament tixtieq tikseb. In-netball f’Malta qed ikompli jikber u joffri aktar opportunitajiet minn qatt qabel. Jekk temmen fik innifsek u taħdem għal dak li tixtieq, kollox hu possibbli!