Friday, February 14, 2025

Li nirrapreżenta lil pajjiżi nikkunsidrah dejjem bħala l-ikbar suċċess u aspirazzjoni kbira għalija – Luke Micallef

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?

L-opportunita` feġġet meta bdejna nitħarrġu fi żmien l-Universitá ma’ xi ħbieb tal-kors ta’ studju. Minn diversi sports li kont nipprattika ddeċidejt li niffoka fuq l-atletika. Waħda mir-raġunijiet kienet ukoll li stajt nitħarreġ xi drabi waħdi wkoll mingħajr ma’ niddependi wisq fuq individwi oħra, u kien żvog tajjeb mix-xogħol u studju.

X;suċċessi maġġuri ksibt f’dan l-isport li tant tħobb sa issa?

Is-suċċessi li nikkunsidra veru għal qalbi jinkludu prestazzjonijiet tajbin fit-3K steeplechase, 5k, 10k, in-nofs maratona, u mis-sena l-oħra, suċċessi wkoll fil-maratona. L-iktar riżultat importanti wasal f’GSSE ta’ 2023 li saru ġewwa Malta fejn irbaħt il-medalja tal-bronz fit-3K Steeplechase li kienet medalja storika peres li hi l-ewwel medalja għal Malta f’din id-dixxiplina. Suċċessivament, kien hemm titjieb ulterjuri f’ħafna mid-dixxiplini. F’kompetizzjoni internazzjonali f’ April ta 2024 irnexxieli naghmel żewġ tlielaq suċċsessivi ġewwa l-Belġju b’rekord nazzjonali fit-3K Steeplechase u l-aħjar ħin fil-5K minn xi ħadd imwieled Malta. Dawn wasslu biex nikkwalifika għall-logħob ta’ CSSE li saru ġewwa Ġibiltá fejn irbaħt ukoll il-midalja tal-fidda. Li nirrapreżenta lil pajjiżi nikkunsidrah dejjem bħala l-ikbar suċċess u aspirazzjoni kbira għalija.

Il-prestazzjoni fil-Maratona fi Frar tal-2024 ġewwa Seville fi Spanja kien ukoll riżultat għal qalbi, għaliex huwa wkoll l-aħjar ħin minn xi ħadd imwieled Malta. Parteċipazzjoni fil-kampjonati Balkani wassluni wkoll għal medalja tal-fidda fin-nofs maratona u midalja tad-deheb fil-maratona ġewwa Belgrad fis-Serbja, li kienu wkoll l-ewwel midalji għal Malta f’dawn il-kampjonati Balkani kontra nazzjonijiet b’saħħithom bħat-Turkija, Serbja, Albania, Rumanija u Bulgarija fost oħrajn.

Suċċessi bħala champion nazzjonali fil-‘Mountain National Championships’ għal diversi snin u fil-kampjonati nazzjonali tal-atletika huma unuri oħra importanti, flimkien ma’ xi ‘road races’ klassiċi bħal Mdina 2 Spinola fejn ukoll irnexxieli nikseb l-iktar ħin veloċi fl-aħħar edizzjoni tal-2024.

Ma nistgħux ma nsemmux ir-rekord nazzjonali tal-10km li ksibt f’Bologna fil-jiem li għaddew. Agħtina iktar dettalji.

Bħalissa fl-atletika qed infittxu kwalifikazzjoni għall-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru ġewwa Andorra din is-sena. Jien flimkien mal-coach tiegħi nippjanaw numru ta’ tlielaq kemm lokali kif ukoll internazzjonali biex inkunu nistgħu niksbu l-ħinijiet rikjesti. L-ewwel tellieqa tas-sena sibna tellieqa ta’ 10K ġewwa Bologna, fejn wara li eżaminajna r-rotta u parteċipazzjoni ta’ atleti elite rajna li setgħet tkun tellieqa veloċi ħafna.

L-għan kien li nikser it-30 minuta f’din id-distanza, xi ħaġa li konna qed infittxu li nagħmlu f’dawn l-aħħar snin. Kont fi grupp tajjeb ta’ xi atleti internazzjonali u żammejt pożizzjoni magħhom fejn bi ‘sprint finish’ irnexxieli nikseb it-tielet post u nikser ir-rekord Malti ta’ Jordan Gusman bi 13-il sekonda.

X’tikkummenta fuq il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?

L-atletika rat avvanz tajjeb ħafna dan l-aħħar snin, tista’ tgħid f’kull dixxiplina. Waħda mir-raġunijet hija wkoll parteċipazzjoni f’kompetizzjonijiet barra minn Malta li tgħin biex tgħolli l-livell. Naħseb li ħafna nies reġgħu bdew isegwu wkoll u jipparteċipaw b’mod attiv grazzi għal dan.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?

Filwaqt li kien hemm titjieb dan l-aħħar snin kemm f’infrastruttura sportivi u f’inċentivi ta’ sostenn għall-atleti, speċjalment fi żmien tal-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar li saru Malta, nemmen li fadal x’isir lokalment. Kif semmejt qabel, il-kompetizzjonijiet internazzjonli huma importanti immens għal titjib fil-ħinijiet, u dawn iġibu magħhom ħafna spejjeż u ħafna ħin investit. Nemmen li f’dan l-aspett irid ikun hemm iktar għajnuna biex l-atleti jkollhom iktar għajnuna finanzjarja, flessibilta minn ħin ta’ xoghol u studju u serħan ta’ moħħ meta jagħmlu l-pjanijiet tagħhom.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?

L-atletika tatni ħafna affaijiet u esperjenzi sbieħ f’ħajti, u nixtieq li fil-futur nibqa’ nagħti l-kontribut tiegħi. Nara possibilta li niżviluppa sew il-potenzjal tiegħi fil-maratona, u dan beħsiebni nagħmlu b’impenn fis-snin li ġejjin.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.

L-atletika huwa sport li fih jiġi rifless ħafna l-ħidma li tkun tfajt fih. It-titjib se jidher żgur jekk tkun determinat, dixxiplinat u kapaċi żżomm motivazzjoni. It-talent huwa importanti wkoll, imma l-ħidma nnifisha u l-konsistenza fil-ħidma huma l-iktar ingredjenti essenzjali. Huwa għalhekk li kulħadd jista’ jsir atleta, u jista’ wkoll jintlaħaq livell għoli ħafna.

Għat-tfal u żgħażagħ li qed jimirħu fl-atletika, ngħaddi messaġġ ukoll biex ma jaqtgħux qalbhom anke fil-mumenti diffiċli li jistgħu jaffaċċjaw waqt it-taħriġ, għaliex l-atletika huwa mezz importanti kif jiżviluppaw ukoll kwalitajiet oħra fosthom id-dixxiplina, il-perseveranza, il-kunfidenza u s-saħħa mentali!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport