Sunday, December 22, 2024

Li nkun il-kowċ tat-tim ta’ raħal twelidi għalija huwa ta’ sodisfazzjon kbir – Xavier Saliba (kowċ ta’ San Ġwann FC)

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Tista tgħid li l-imħabba tiegħi lejn il-futbol kienet minn dejjem.  Minn żgħir kont dejjem nilgħab bil-ballun kullimkien … id-dar, il-bandli, fil-pitch tal-bocci, fuq iz-zuntier tal-knisja, fi triq, l-iskola, f’xi għelieqi, il-grawnd tal-football u lanqas nieqaf insemmi. F’kelma waħda konna nittrasformaw kull fejn inkunu fi grawnd tal-futbol!

Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek bħala plejer tal-futsal u l-unuri li rbaħt f’dan ir-rwol.

Il-futsal kien ta’ żvolta kbira fil-ħajja tiegħi u mhux fuq livell sportiv biss imma anke fuq livell karatterjali. Minn ġuvni li waqaf jilgħab il-futbol u beda jgawdi l-ħajja biss, erġajt ġejt ġuvni li jrid jaħdem u joħlom biex jilħaq it-tragwardi tiegħu f’din il-loghoba tant sabiha! 

Fil-karriera tiegħi bħala plejer tal-futsal kelli diversi esperjenzi kemm pozittivi kif ukoll anke xi wħud negattivi, fejn minnhom komplejt noħrog l-aħjar tiegħi!

Finalment, meta nħares lura, illum nista’ ngħid li rbaħt Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni u tliet Kampjonati Premier. Irbaħt ukoll xi unuri fuq livell personali, biss peró, l-ikbar rebħa li kelli kienet li rnexxieli nirraprezenta lin-Nazzjonal ta’ pajjiżi għal 54 darba fejn f’10 okkażjonijiet kont il-captain tat-tim u skurjajt 23 goal fejn għal tul ta’ zmien u ma nafx għadux sal-lum kien rekord kemm bħala ammont ta’ logħob u anke bħala ammont ta’ gowls skurjati. L-Innu Nazzjonali speċjalment meta tilgħab away huwa ta’ emozzjoni unika! 

X’differenza hemm bejn li tkun plejer u kowċ?

Id-differenza hija kbira ħafna! Meta tkun plejer int tiffoka fuq il-biċċa tiegħek, dik li tagħti l-100% tiegħek dejjem biex ikollok wirjiet tajba u finalment jirbaħ it-tim. Meta tkun kowċ l-istampa hija ħafna ikbar, għax apparti l-aspett tattiku, il-preparamenti tat- taħriġ, video analysis u affarijiet oħra trid tara li l-plejers kollha ikunu fl-aħjar stat mentali possibli biex jagħtuk il-100% tagħhom. Fejn hemm bzonn trid tisma’ xi jkunu l-problemi tagħhom biex tipprova tgħin. Fl-aħħar nett imbagħad meta l-iskwadra ma tkunx qed tiffunzjona ir-responsabbli prinċipali f’ħafna mid-drabi jkun dejjem il-kowċ, fejn hu iktar faċli twaqqaf kowċ milli ammont kbir ta’ plejers ! 

Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek bħala kowċ ta’ San Ġwann FC.

L-esperjenza tiegħi bħala kowċ mal-klabb ta’ San Ġwann FC hija waħda li se tibqa’ ġo qalbi għal dejjem! Bdiet fl-2016 fin-nursery tal-klabb fejn kelli t-tfal tal-Under 8 biex imbagħad fl-2019 kont maħtur bħala assistant coach tat-tim tal-kbar u anke kowċ tal-Under 21. F’Jannar tal-2023 kont maħtur bħala head coach tat- tim tal-kbar. Din kienet ħolma li saret realtá għalija. San Ġwann huwa raħal twelidi u meta kont żgħir u anke ġuvni kont immur nara logħba sa minn żmien Pace Grasso … li nkun il-kowċ tat-tim ta’ raħal twelidi għalija huwa ta’ sodisfazzjon kbir!

X’inhuma t-tragwardi tagħkom bħala tim għall-istaġun li ġej?

It-tragward primarju ikun dejjem dak li nipprovaw nirbħu kull logħba u nkunu kemm jista’ possibli mat-timijiet tan-naħa ta’ fuq tal-klassifika. Jekk ikolli nagħmel tragward personali, nagħmel dak li nigu mal-ewwel sitta, imbagħad nieħdu l-kampjonat minn hemmhekk. 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Jien nixtieq inkompli nikber fill-karriera tiegħi bħala kowċ. Biex nagħmel dan, irrid inkompli nagħmel il-korsijiet ħalli nġib l-ogħla liċenzji possibli fil-futbol. Jekk ikolli ngħidlek x’inhi l-ħolma tiegħi fil-kowċing, sal-lum il-ġurnata, ngħidlek dik li nkun kowċ fil- Kampjonat Premier, u li nagħmel dan fuq livell professjonali fis- sens li jkun ix-xogħol primarju tiegħi. 

Għaddi messaġġ finali lill-partitarji kollha ta’ San Ġwann FC.

Nixtieq li l-Ġwanniżi jkunu aktar qrib it-tim tal-futbol! Għalkemm il-klabb mhux qiegħed fl-ogħla diviżjoni tal-futbol lokali xorta waħda għandu bżonn is-sapport tagħkom. Il-bibien tagħna huma dejjem miftuħa għal kulħadd anke waqt is-sessjonijiet ta’ taħriġ … min irid jiġi jara x’inhu għaddej jista’ jiġi meta jrid. Ovvjament, l-attendenza l-ground għal-logħob tal-kampjonat hija fundamentali. Meta l-plejers jaraw ammont konsiderevoli ta’ nies jagħtu s-sapport tagħhom, jagħmlu aktar kuraġġ biex dak is-sapport jiġi rikambjat lura f’rebħ ta’ partiti. 

Jien kont u għadni wieħed minnkom! Forza San Ġwann FC! 

Ekonomija

Sport