Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Ta’ seba’ snin kont bdejt nilghab il-futbol peró kont waqaft imma ma niftakarx għalxiex. Dak iż-żmien ma kontx xi dilettant kbir tal-futbol għaliex ma tantx kont insegwih sal-etá ta’ għaxar snin fejn imbagħad bdejt insewgi l-futbol wara li bdejt insegwi l-Kampjonat Taljan tas-Serie A tal-istaġun 1989/90 u fl-istess sena t- Tazza tad-Dinja kienet intlagħbet ġol-Italja allura stajna nsewgu ħafna minnha fuq it-televixin. Imbagħad ta’ 12-il sena kienet bdiet in-Nursery ta’ Ħal-Balzan u kont bdejt nilgħab magħhom fejn domt sal-etá ta’ 21 sena mal-klabb ta’ Ħal-Balzan. Maghhom kont ukoll bdejt il-kowċing u f’erba’ snin li għamilt kowċing ma’ Ħal-Balzan kont irnexxieli nġib il-liċenzja ’Foundation’ kif kienet magħrufa dak iż-żmien u anke l-UEFA ’C’ license.
Kif għażilt proprju li tkun referee?
Meta kont l-Universitá, fejn kont qed nistudja għal għalliem kelli ħbieb tiegħi li kienu referees u jiena kont għamilt il-kors biex intejjeb l-għarfien tiegħi fir-regoli tal-logħba għaliex dak iż-żmien kont għadni qed nilgħab u nikkowċja u mbagħad għidt ħa nipprova l-esperjenza ħa nara kif immur. Il-fatt li l-logħba kont nafha kemm bħala plejer kif ukoll bħala kowċ ovvjament għenitni ħafna speċjalment fil-bidu tal-karriera tiegħi. Minn hemmhekk imbagħad bdejt inkun involut fil-logħob lokali u bdejt ninduna illi minn din li kienet bdiet bħala avventura, stajt nibni karriera li tagħtini sodisfazzjon ikbar milli dik ta’ plejer.
Huwa fatt magħruf li se tkun qed tirtira minn referee. Kif wasalt għal din id-deċiżjoni? Ma tħossx li kien fadadlek iktar x’toffri lill-futbol lokali?
Huwa fatt pubbliku llum illi jien se nieqaf milli nkun referee attiv ghaliex wara 15-il sena nirreffja fl-ogħla divizjoni, iktar minn 175 loghba Premier u bosta finali, naħseb li kien wasal iż-żmien illi nibda naħseb għall-pass li jmiss f’ħajti. Wara li tkun ilek għaxar snin tilghab il-futbol u wara 20 sena tirreffja naħseb li jkun iż-żmien li tistaqsi lilek innifsek x’motivazzjoni tista’ ssib iktar mil-logħba. Jien illum għandi 45 sena u apparti l-fatt illi fiżikament tkun għadek f’saħħtek, ftit japprezzaw l-impenn mentali tal-logħba meta tkun referee fl-ogħla diviżjoni. Dik l-għejja tkun qiegħda hemmhekk ukoll. Jien dejjem emmint li meta tieqaf minn xi attivitá, dejjem għandek tagħmilha meta tkun fl-aħjar tiegħek u meta tkun f’pożizzjoni li tiddeċiedi inti. Fil-każ tiegħi, ma ridtx li xi injury twila ġġiegħlni niddeċiedi li ntemm il-karriera tiegħi.
Tħossok rispettat bħala referee fl-ambitu tal-futbol lokali?
Jiena nemmen illi r-rispett trid tirbħu għaliex mhuwiex awtomatiku. Ħafna nies li jkollhom xi forma jew oħra ta’ awtoritá jaħsbu illi l-mument li tilbes uniformi li tirrapreżenta xi entitá, ir-rispett ħa jigi waħdu meta mhuwiex il-każ. Ir-rispett trid tirbħu biż-żmien, bl-attitudni u b-integritá dejjem, speċjalment bħala referee. Naħseb illi f’20 sena karriera, ir-rispett lejn in-nies dejjem kien l-aktar ħaġa importanti u għenni bis-sħiħ biex nikseb ir-rispett tal-maġġoranza tan-nies involuti fil-futbol lokali. Ovvjament, xi nies dejjem ħa jiġġudikawk fuq xi deċiżjoni ħażina li tkun ħadt u taffettwahom peró dik hija l-ħajja ta’ referee. Peró, naħseb illi iva ngawdi r-rispett tal-maġġoranza kbira tan-nies għaliex ismi huwa marbut ma’ rispett u integritá.
X’sodisfazzjon partikolari jagħtik ir-refereeing?
Li nkun referee tani sens ta’ skop li diffiċli nsibu f’xi ħaġ’oħra. M’intix biss qed tapplika r-regoli – inti qed tipproteġi l-integrità tal-logħba. Waħda mill-akbar sodisfazzjonijiet kienet li, anke jekk ma jinnotak ħadd, id-deċiżjonijiet tiegħi għenu biex il-kompetizzjoni tkun ġusta. Hemm adrenalina speċjali li tiġi meta tmexxi sitwazzjonijiet ta’ pressjoni għolja, speċjalment quddiem eluf ta’ partitarji. Ttitgħallem tibqa’ kalm, tieħu deċiżjonijiet f’sekonda, u toqgħod għalihom. Dan jibni tip ta’ saħħa mentali li tibqa’ miegħek għal ħajtek kollha. Iżda lil hinn mill-parti teknika, ir-refereeing tani apprezzament profond għax-xogħol f’tim u l-komunikazzjoni. Dejjem tkun qed tikkoordina mal-assistenti, timmaniġġja l-emozzjonijiet tal-plejers, u żżomm il-logħba għaddejja. Jgħallmek kif tkun diplomatiku, mexxej, u empatiku. U biex ngħid is-sew, il-ħbiberiji u l-kumpanija mal-kollegi referees, dawk id-diskussjonijiet wara l-logħba, id-daħk, ir-rispett reċiproku huma mprezzabbli. Ir-refereeing tani post fl-ewwel filliera biex nghix is-sbuħija tal-futbol, u dejjem inkun grat għal dan.
Hemm xi partita partikolari li rreffjajt li tibqa’ tiftakar iktar minn oħrajn kemm lokalmnet u anke fix-xena internazzjonali? Għaliex?
L-iktar loghba memorabbli għalija tibqa’ ċ-Championhip Decider li ntlagħbet fl-4 ta’ Mejju tal-2019 bejn Valletta u Hibernians. Din kienet esperjenza li ma nistax ninsiha ghaliex kien hemm pressjoni enormi madwar il-logħba. Jien ma kontx referee bil-badge tal-FIFA allura kien hemm pressjoni anke fuq l-appointment tiegħi għal din il-logħba. Jien qatt ma ngħid li jista’ jkollok logħba perfetta imma naħseb dik nista’ ngħid illi din kienet viċin ħafna għaliex ma kienx hemm deċiżjoni waħda li ġiet kritikata u dan huwa kollu mertu tal-preparazzjoni li għamilna l-erba’ uffiċjali li konna involuti fiha. Jiena fuq futbol mort f’logħob barra minn Malta. L-aktar bħala raba’ uffiċjal f’logħob tal-UEFA u anke rreffjajt f’kampjonati barranin fejn kien ikollna programmi ta skambju ma’ referees minn pajjiżi oħra. L-aktar logħba li niftakar bħala raba’ ufficjal huwa meta ġew l-Inter jilagħbu f’Malta f’żewġ logħbiet ta’ ħbiberija u jiena kont involut fil-logħba Inter kontra Red Bull Salzburg fl-2022. Logħba oħra għal qalbi li għandi hi meta mort nirreffja logħba tal-kampjonat domestiku tal-Irlanda ta’ Fuq fejn jien kont l ewwel referee li rreffjajt fl-istadium il-ġdid Windsor Park ġewwa Belfast fejn huwa l-grawnd tal-Linfield u anke l-post fejn jilagħbu t-tim nazzjonali Irlandiż.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek? Għad narawk match observer jew kowċ tar-referees ‘il quddiem?
Iva, ħa nibqa’ involut fis-settur tar-referees fi ħdan id-dipartiment tar-refereeing tal-MFA. Ħa nkun qed nokkupa r-rwol ta’ Instructor tar-referees kif ukoll nieħu hsieb il-Fitness Unit tar-referees mal-Fitness coach li hemm impjegat mal-MFA. Apparti minn hekk ħa nkun qed nokkupa r-rwol ta’ Observer ukoll sabiex l- esperjenza li ksibt jien u l-karatteristiċi li bnejt fil-karattru tiegħi tul dawn l-20 sena, inkun nista’ ngħaddihom lil ħaddiehor għall-benefiċċju tal-futbol lokali iżda wkoll għall-benefiċċju personali tar-referees Maltin.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jimbarka fuq karriera ta’ referee.
Jekk tħobb il-futbol u qed tfittex sfida vera, ir-refereeing jista’ jkun triq eċċitanti għall-karriera. Mhux biss tkun parti mil-logħba, imma tkun ukoll il-persuna li żżomm l-ordni u l-ġustizzja fil-grawnd. Din il-karriera tgħallmek kif tieħu deċiżjonijiet malajr, kif timmaniġġja n-nies, u kif tibqa’ kalm taħt pressjoni.
Tispiċċa tikber mhux biss bħala referee, imma wkoll bħala persuna. Tkun parti minn komunità ta’ nies li jaqsmu l-istess passjoni, u jkollok l-opportunità li timxi ’l quddiem, anke fuq livell internazzjonali. Jekk inti ddedikat, onest, u lest titgħallem, ir-refereeing jista’ joffrilek karriera mimlija sodisfazzjon, rispett, u esperjenzi li ma tinsa qatt!