Friday, June 6, 2025

Li persuna tkun kapaċi tegħleb id-dubji mentali waqt it-tellieqa u tibqa’ għaddejja u tlestiha, hija sodisfazzjon biżżejjed – Trischia Falzon

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-Hyrox?

Aktar milli l-Hyrox, l-ewwel imħabba tiegħi – li eventwalment wasslet lejn in-namra għall-Hyrox – bdiet lejn l-isport. Jiena f’ħajti qatt ma kont attiva fl-isport u minkejja li ppruvajt immur gyms differenti meta kont teenager, qatt ma żammejt konsistenza jew rutina. Fi żmien il-pandemija, meta kulħadd kien limitat mill-affarijiet li jista’ jagħmel, kont qbadt il-gym b’personal trainer u dik għenitni biex inżomm konsistenza. Eventwalment, it-taħriġ fiżiku sar parti mir-rutina tiegħi u xi ħaġa li llum, ħames snin wara, noqgħodx ġurnata mingħajru. L-imħabba lejn il-Hyrox bdiet lejn l-aħħar tal-2023 meta f’Malta, dan l-isport kien għadu fil-bidu tiegħu. Is-sabiħ tal-Hyrox huwa li kulħadd jista’ jagħmlu, għaliex apparti l-ġiri, hemm dawk li jgħidulhom stations li jsiru b’tali mod li kull ġisem jista’ jadatta għalihom bil-mod tiegħu, u m’hemmx xi teknika partikolari biex isiru. Allura ħassejt li kien l-isport ideali għalija.  

Fil-jiem li għaddew ħadt sehem fl-ewwel tellieqa tiegħek tal-Hyrox barra minn xtutna f’Rimini fl-Italja. Agħtina aktar dettalji.

Kienet waħda mill-isbaħ esperjenzi ta’ ħajti. Jiena minix persuna tal-kompetizzjonijiet – qatt ma mmaġinajt li kapaċi nidħol għal kompetizzjoni sportiva, la fuq livell lokali u wisq anqas fuq livell internazzjonali, iżda l-emozzjonijiet tul it-tellieqa kollha kienu kbar. Waħda mill-isbaħ affarijiet kienet li qsamt din l-esperjenza mal-ikbar ħabiba tiegħi għax ikkompetejna bħala tim. Minuta qabel titlaq, jitla’ arloġġ kbir u tara s-sekondi jonqsu qabel kulħadd jitlaq jiġri. F’dak il-ħin, it-tnejn li aħna konna emozzjonati u qabżitilna demgħa – it-tnejn għal raġunijiet differenti – għax din it-tellieqa, apparti l-aspett fiżiku, iġġib magħha wkoll l-aspetti emozzjonali u mentali, li għal kulħadd huma differenti. Dak il-ħin, il-ħsieb li għadda minn moħħi kien “ejja ħa tagħti risposta lil kull min f’ħajtek qallek li mintix kapaċi”, u minn hemm ma ħaristx lura. Qbadna ritmu tajjeb u konna ta’ sapport għal xulxin f’kull mument tul it-tellieqa. Apparti minn hekk, kellna membri oħra li jattendu l-istess gym li kienu qed jagħtuna s-sapport f’kull station fil-folla, u dak fisser ħafna għalina. Li tisma’ ismek jiġi mgħajjat fil-folla mingħand nies li jkunu qed jemmnu fik f’mumenti li forsi lanqas inti stess ma tkun qed temmen fik innifsek, jagħmel id-differenza kollha.

Kif tqis il-livell tal-Hyrox f’pajjiżna fil-preżent?

Nemmen li fl-aħħar xhur, u din is-sena b’mod partikolari, il-Hyrox sar popolari mmens u aktar ma jgħaddi żmien, aktar se jsir. F’Malta sar hawn komunità sabiħa ħafna ta’ gyms u atleti li jkunu ta’ appoġġ għal xulxin. Kif semmejt aktar qabel, il-Hyrox huwa sport li kulħadd jista’ jagħmel, għax jagħti l-aċċessibilità lil kull atleta biex jieħdu l-ħin tagħhom u jlestu t-tellieqa bil-pass tagħhom. Għaldaqstant nemmen li kull ma jmur, aktar nies se jħossuhom komdi jersqu ’l quddiem biex jagħmlu dan l-isport għax jafu li huwa sport tajjeb għal kulħadd – kemm min jixtieq jagħmel it-tellieqa bħala esperjenza, kemm min għadu jibda jipprattika, u kemm min jixtieq jagħmel minnu karriera professjonali.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?

Din hija xi ħaġa li nemmen li għad baqagħlna ħafna fejn intejbu. Bħala gyms naħseb sar hawn ħafna tajbin fejn wieħed jipprattika l-isport bl-equipment neċessarju, però hemm bżonn postijiet aħjar fejn isiru t-tlielaq. Fil-preżent, l-aktar tlielaq komuni f’Malta qed isiru f’Campus Hub fl-Università u fi grawnd f’Birkirkara, li t-tnejn li huma qegħdin fuq barra mingħajr ebda protezzjoni mill-elementi tat-temp. Nemmen li dak l-aspett kien fost l-affarijiet li għamel l-esperjenza f’Rimini daqshekk speċjali, minħabba l-kobor tal-post fejn saret it-tellieqa u l-mod kif kienet organizzata. Kollox fil-ħin, l-istations ħdejn xulxin u kbar biżżejjed biex kulħadd jidħol u joħroġ b’mod komdu, u organizzazzjoni u komunikazzjoni assoluta. Fatt ieħor li għalija spikka fit-tellieqa f’Rimini kien li ma’ kull station jitħallew jidħlu l-ispettaturi u jagħtu s-sapport lill-atleti li jkunu għaddejjin bit-tellieqa mill-viċin. Li tkun għaddejja fi station u tisma’ u tara lill-għeżież tiegħek jissapportjaw, tagħmel differenza kbira. Eżempju fit-tellieqa li ssir f’Birkirkara, l-ispettaturi jsegwu biss minn barra minn wara x-xibka tal-grawnd u jkunu ’l bogħod ħafna minn fejn ikunu qed jaħdmu l-atleti, allura tħossok qed taqdef waħdek bla sapport ta’ xejn. F’Campus Hub, l-ispettaturi jkunu viċin u jistgħu jibdlu l-post ma’ kull station, però l-fatt li l-post qiegħed fuq barra jagħmilha diffiċli għall-atleti minħabba s-sħana jew f’każ li tkun ix-xita.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-Hyrox?

Jekk tkun tajjeb fil-ġiri, tkun tajjeb fil-Hyrox, għaliex għalkemm it-tellieqa tinkludi wkoll stations b’functional exercises, il-maġġoranza tal-ħin tirbħu jekk tkun tajba fil-ġiri. Il-ġiri huwa l-aktar ħaġa li nsib diffiċli, speċjalment għaliex jekk ma tkunx konsistenti, titlef kull pass li tkun tejjibt. Allura naf li biex intejjeb il-ħin fit-tellieqa, irrid intejjeb u naħdem ħafna fuq il-ġiri. Kommessa li nibqa’ naħdem biex intejjeb il-ħin li ksibt f’Rimini u issa qed inħares li nlesti t-tellieqa f’inqas minn siegħa u kwart. S’issa dejjem ikkompetejt ma’ persuna oħra bħala tim ta’ tnejn, u l-pass li jmiss fejn jidħol il-Hyrox għalija huwa li jirnexxieli nlesti t-tellieqa waħdi – xi ħaġa li qed nippjana li nagħmel lejn l-aħħar ta’ din is-sena. Apparti minn hekk, din is-sena żgur nixtieq li nerġa’ nagħmel Hyrox oħra barra minn Malta.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-Hyrox.

Tibżax tagħmel l-ewwel pass. Tistħix jekk tħoss li se ddum għaddejja u ma ġġibx ‘ħin tajjeb’. L-importanti li tlestiha. Vera hija kompetizzjoni, imma li persuna jirnexxielha tagħmilha kollha diġà hija xi ħaġa ta’ meravilja, għaliex mhux faċli tagħmel tellieqa li tinkludi 8 kilometri ta’ ġiri u tmien eżerċizzji oħra li jħalluk bla nifs. Allura li persuna tkun kapaċi tegħleb id-dubji mentali li jiġuha tul it-tellieqa u tibqa’ għaddejja u tlestiha, hija sodisfazzjon biżżejjed. Ftakru li xejn ma jiġi mill-kumdità tal-‘comfort zone’. Ir-riżultati jinkisbu meta wieħed jiġġieled miegħu nnifsu biex jegħleb dak li jaħseb li ma jkunx kapaċi jagħmel. Hyrox mhuwiex biss test ta’ saħħa fiżika, imma vjaġġ ta’ reżiljenza, impenn, u determinazzjoni bla preċedent. Kull burpee, kull imbuttatura jew ġibda bl-isled, kull ġirja – iġġibkom pass eqreb lejn verżjoni aktar reżiljenti u b’saħħitha tiegħek innifsek. M’hemmx bżonn tkun perfett – iżda reżiljenti. Il-mira għandha tkun il-progress. Emmnu fil-proċess għax kapaċi aktar milli taħsbu!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport