Min-naħa tiegħu, id-Deputat Laburista Edward Zammit Lewis waqt li kien qiegħed jiddiskuti dwar l-emendi fil-kodiċi tal-kummerċ fejn tidħol l-insolvenza esprima d-diżappunt tiegħu rigward id-diskussjoni u qal li fl-opinjoni tiegħu kienet waħda daqsxejn fjakka.
Rigward l-insolvenza jew f’terminu aktar sempliċi “falliment”, Zammit Lewis qal li sal-lum f’każ ta’ persuna li f’terminu użat ikun “kważi spiċċa”, jiġi appuntat likwidatur, isir rikors u l-likwidatur appuntat jispiċċa jitħallas qabel il-kredituri.
Zammit Lewis tkellem dwar tliet kunċetti fundamentali ta’ dawn l-emendi. Spjega dwar il-kunċett tal-prevenzjoni tal-falliment u li meta persuna jfalli jkun ilu snin li ma jonorax l-obbligi tat-termini tiegħu. Qal li dawn it-twissijiet proposti huma soluzzjoni quddiem sitwazzjoni fejn persuna mhux tħallih jaqbeż u mbagħad tipprova ssalvah.
Tkellem dwar ir-riforma bħala avvanz u li se tippermetti ristrutturar u l-organizzazzjoni mill-ġdid ta’ intrapriżi. Zammit Lewis qal li r-riċetta tal-falliment hija meta persuna tuża l-kumpanija biex issostni ħajja ta’ għajxien personali li l-istess kumpanija ma tkunx tiflaħ.
It-tielet prinċipju kien ir-rijabilitazzjoni tal-kumpaniji. Zammit Lewis kien ċar li reat kriminali qatt ma jingħata rifuġju imma jkollok persuni li jfallu minħabba kwistjonijiet bħalma kienet il-Covid-19 fl-aħħar sentejn. Spjega li kellek min kellu pjan, fasslu u li kif beda feġġet pandemija li ħarbtet dawn il-pjanijiet tiegħu. Tkellem dwar żgħażagħ li t’etajiet żgħar bħalma huma dawk fl-età ta’ 20 sena li s’issa kien hemm il-probabbiltà li jitwaqqfu milli jipprovaw jinvesti mill-ġdid sa 65 sena.
Zammit Lewis saħaq dwar il-bżonn li persuna tingħata l-opportunità biex tiġi gwidata barra mill-Qorti għax dan se jkun qiegħed ifisser inqas spejjeż u iktar probabbiltà li dak li jkun isib saqajh.