Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?
L-imħabba tiegħi lejn il-waterpolo bdiet wara li bdejt nieħu lezzjonijiet tal-għawm. Kienet fis-sajf li ddeċidejt li nipprova l-waterpolo, u minn hemm bdiet il-passi għal din il-passjoni. Kont l-ewwel wieħed fil-familja tiegħi li pprattikajt dan l-isport, u hekk kif ħuti kibru, raw fija l-ispirazzjoni biex jieħdu wkoll sehem fil-logħba.
X’tikkummenta fuq l-unur li rbaħt tal-ASA Premier Player tas-Sena 2024?
Li rbaħt dan l-unur huwa wieħed mill-aqwa mumenti fil-karriera tiegħi s’issa. Ir-riżultat jirrifletti s-sagrifiċċji u x-xogħol iebes li għamilt tul is-snin. Nixtieq nirringrazzja bis-sħiħ lill-ġenituri tiegħi għall-appoġġ tagħhom f’kull pass tal-vjaġġ tiegħi, għax kienu huma li dejjem emmnu fija u ssapportjawni. Nixtieq ukoll nagħti rikonoxximent speċjali lill-kowċ li kelli tul dawn l-aħħar tliet snin, li huwa Zeljko Kovacic, fejn hu wera ħafna determinazjoni u passioni, fejn lili kabbarni fil-plejer li jien illum il-ġurnata. Fl-istess ħin, dan l-unur huwa wkoll risposta għal dawk in-nies li, wara li rbaħt dan il-premju, ħassewhom imħassbin jew għamlu kummenti negattivi, forsi biex inaqqsuli minn dan is-suċċess. Għalija, dan il-premju mhux biss jirrapreżenta suċċess personali, imma wkoll huwa prova li b’determinazzjoni u perseveranza tista’ tegħleb kull ostaklu.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ San Ġiljan ASC.
L-esperjenza tiegħi ma’ San Ġiljan ASC hija waħda speċjali ħafna. Għandna tim li jinkludi taħlita ta’ plejers b’talent żagħżugħ kif ukoll esperjenza ta’ veterani. Il-komunità tal-klabb hija bħal familja li tagħtina motivazzjoni kontinwa. Tħossok ispirat kull darba li tilgħab għat-tim, għax il-passjoni li hemm fil-klabb hija tabilħaqq unika.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul is-sajf li għadda?
Is-sajf li għadda kellu s-sehem tiegħu ta’ sfidi, imma wkoll lezzjonijiet li tgħallimna. Ma konniex fejn xtaqna nkunu fl-aħħar tal-istaġun, iżda dan jagħtina iktar determinazzjoni biex nerġgħu lura b’aktar saħħa u fokus. Għalkemm kien hemm diżappunti, it-tim wera li għandu potenzjal li jista’ jħalli impatt kbir jekk naħdmu id f’id.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għas-sajf li ġej, speċjalment wara li nqastu li tirbħu l-unuri maġġuri matul is-sajf li għadda?
Il-mira tagħna hija ċara: li nkunu kompetittivi f’kull logħba u niksbu lura t-titli li ħadna fil-mira. Dan ifisser li rridu niffokaw fuq it-titjib tekniku u tattiku, kif ukoll inkomplu nibnu fuq il-koeżjoni tat-tim. It-tragwardi tagħna għas-sajf li ġej huma bbażati fuq l-impenn li nkunu fost l-aqwa.
Kellek ukoll esperjenza qasira barra minn xtutna. Agħtina iktar dettalji.
Kelli esperjenza barra minn Malta, fejn ilgħabt fil-Montenegro għal sentejn sħaħ. Matul dan iż-żmien mhux biss sirt plejer aħjar billi tgħallimt minn logħob ta’ livell għoli ħafna, iżda wkoll kiber il-karattru personali tiegħi. Il-Montenegro għenni nifhem aktar x’inhu meħtieġ biex tkun kompetittiv f’kampjonati internazzjonali u rrealizzajt kemm id-dixxiplina hija essenzjali.
Tqis li tagħmel esperjenza oħra barra minn Malta fil-futur?
Ir-risposta għal dan tiddependi miċ-ċirkostanzi f’dak il-mument. Għalkemm opportunitajiet simili jistgħu jġibu sfidi ġodda, kollox jiddependi fuq fejn inkun f’dak il-punt tal-karriera tiegħi u jekk dak l-istint ikunx l-aħjar pass għalija.
Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek sa issa mat-tim nazzjonali Malti tal-waterpolo.
Li nilgħab għat-tim nazzjonali huwa dejjem privileġġ kbir. Kienu tlett turnamenti maġġuri fejn stajt nonqos lili nnifsi u l-prestazzjonijiet tiegħi ġew ttestjati kontra plejers internazzjonali. Din l-esperjenza tatni sens qawwi ta’ responsabbiltà u determinazzjoni biex inkompli nirrappreżenta lil pajjiżi bl-aqwa mod possibbli. Barra minn hekk, dan il-vjaġġ għeni wkoll nifhem aktar kemm huwa importanti li naħdem bħala parti minn tim magħqud biex inkunu nistgħu niksbu riżultati li jġibu unur lil pajjiżna.
Kif tqis il-livell tal-waterpolo lokali fil-preżent?
Il-livell tal-waterpolo lokali għamel passi kbar ’il quddiem, b’aktar plejers impenjati u kwalitajiet li qed jogħlew. L-infrastruttura tjiebet b’mod sinifikanti meta mqabbla mas-snin li għaddew, u hemm tama li dan il-progress ikompli. Hija ħaġa pożittiva li tara dan it-titjib għax se jkompli jgħin lit-talent lokali jikber.
U dak tar-riżorsi (pixxina) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob tagħkom?
Il-pixxini u l-faċilitajiet tjiebu ħafna matul l-aħħar snin, u dan huwa pass fid-direzzjoni t-tajba. Hemm bżonn li nkomplu naħdmu fuq dan biex inkunu nistgħu noħolqu ambjent li jagħti għodda lill-plejers biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-waterpolo?
Fuq livell personali, l-għan ewlieni tiegħi huwa li nkompli nirbaħ ma’ San Ġiljan u nġib aktar unuri lura lejn il-klabb. San Ġiljan dejjem kellu post speċjali f’qalbi, u kull suċċess li niksbu bħala tim ma jfissirx biss rebħa personali, iżda wkoll mod kif nirringrazzja lill-komunità tal-klabb li dejjem kienet hemm biex tappoġġjani. L-impenn tiegħi huwa li nkompli nagħti l-aqwa tiegħi f’kull logħba u kull sessjoni ta’ taħriġ biex nikkontribwixxi għas-suċċess kollettiv tat-tim.
Fl-istess ħin, qed niffoka wkoll fuq li nżomm lili nnifsi motivat u mpenjat biex inkompli nikber bħala plejer. Kull staġun iġib sfidi ġodda, u rrid niżgura li nkun dejjem preparat biex niffaċċjahom. Irrid nitgħallem minn kull esperjenza, sew jekk pożittiva jew negattiva, biex intejjeb il-ħiliet tiegħi u nibqa’ relevanti f’dan l-isport kompetittiv. Dan kollu jirrikjedi dedikazzjoni mhux biss fil-pixxina, imma wkoll barra minnha, fejn il-preparazzjoni mentali u fiżika hija kruċjali.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab il-waterpolo.
Il-waterpolo mhux biss sport, iżda mod ta’ ħajja li jgħallmek dixxiplina, ħbiberija, u kif taħdem bħala tim. Għal min qed jaħseb biex jibda, kun determinat, għax kull bidu huwa diffiċli. Fl-istess waqt, kun ċert li tkun taf min huma l-ħbieb tiegħek tassew u min verament jixtieqek tirnexxi. Dawn se jkunu l-persuni li jimxu miegħek tul dan il-vjaġġ!