Tuesday, May 20, 2025

Li tiġġieled sabiex tieħu postok f’tim hija ċ-ċavetta għas-suċċess fil-futur – Dr Ian Micallef

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Forsi ftit jafu li missieri kien jilgħab il-futbol u kien plejer regolari ma’ diversi timijiet fosthom Sliema, Valletta, Hamrun u spiċċa l-karriera ma’ Zebbug Rangers. Barra minn hekk, prim kuġin ta’ ommi huwa l-plejer internazzjonali Joe Cini. Ghalħekk id-diskussjoni fuq il-futbol meta kont żgħir ma kinitx tonqos!

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala Segretarju ta’ Gzira United FC.

Jiena ilni nokkupa l-kariga ta’ Segretarju ta’ Gzira United FC għal dawn l-aħħar għaxar snin.  Irrid ngħid illi r-responsabbiltá ta’ Segretarju matul dawn is-snin żdiedet ħafna u trid tkun dedikat sabiex tlaħħaq max-xogħol kollu.  Minkejja li hemm firxa ta’ responsabbiltajiet bħal kuntratti ta’ plejers, permessi tax-xogħol, reġistrazzjonijiet ta’ plejers mal-MFA, proċedura ta’ dixxiplina u regolamenti u ħafna affarijiet oħra, nagħmel dan ix-xogħol b’sodisfazzjon u b’serenitá għaliex minkejja l-piż li jġib miegħu nsibu rilassanti mill-ħidma professjonali tiegħi ta’ matul il-ġimgħa.  Li forsi ddejjaqni hija li xi kultant ċerti ‘deadlines’ jingħataw viċin wisq mingħajr ma wieħed jikkonsidra l-fatt li ħafna mis-Segretarji huma volontarji u għalhekk il-ħin li għandna fuq idejna huwa dak li hu.

Kemm taħdem spalla ma’ spalla mal-president, Sharlon Pace?

Jiena bdejt involut fil-klabb “tort” ta’ Sharlon.  Ngħidha bi tbissima imma niftakar illi Sharlon huwa tip li dak li joħlom irid jasal għalih. L-ewwel impenn tiegħi kien sabiex nieħdu lura l-faċilitajiet ġewwa Manoel Island.  Minn hemm Sharlon li ħa t-tmun tal-klabb meta l-klabb kien fit-Tieni Diviżjoni ried issaħħaħ l-amministrazzjoni tal-klabb u konsegwenza ta’ hekk isaħħaħ l-parti teknika tat-tim u hekk it-tim ukoll. Qabel ma bdejt jiena kien ikkonvinċa lil Alex Cassar sabiex ikun it-Tezorier tal-Klabb u tista’ tgħid li l-kuntatt ta’ kuljum bejnietna t-tlieta ċioé Sharlon, Alex u jiena huwa indispensabbli.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Giovanni Tedesco?

Naħseb illi kull kowċ li kelli x-xorti naħdem miegħu għandu l-kwalitajiet tajba tiegħu u minn kollha rajt apprezzament kbir għax-xoghol li jsir fl-amministrazzjoni u t-tmexxija tal-klabb.  Ħdimt ma’ Darren Abdilla, Andrew Cohen u Giovanni Tedesco.  Kollha kellhom sfidi quddiemhom li fittxew li jegħlbu. La qed tistaqsini fuq Tedesco speċifikament, mingħajr ma nnħħhi l-merti tal-oħrajn, insemmi s-suċċess straordinarju li kellna fil-logħba kontra Hajduk Split liema suċċess żgur kien ġej mid-determinazzjoni li rnexxielu jibni fil-plejers qabel il-logħba.  Kif għidt peró ma’ kull kowc rajt mumenti ta’ emozzjoni tremenda hekk kif pereżempju meta taħt it-temmixija ta’ Darren Abdilla assistit minn Andrew Cohen għaddejna kontra Glentoran wara l-għoti ta’ xejn inqas minn 26 penalty.

U fuq l-andament tat-tim ta’ Gżira United FC matul l-istaġun li għadda?

Fl-aħħar staġun nemmen li kellna nukleu ta’ plejers li stajna nisfidaw għall-post ferm ogħla fil-klassifika.  Nemmen li wara t-telfa fl-aħħar mumenti tal-logħba kontra Hamrun Spartans fl-ewwel fażi tal-kampjonat, it-tim qisu ħa xokk li ma kienx facli li jirkupra minnu u minkejja li kellna serje ta’ wirjiet u riżultati pożittivi fil-logħob tal-Bottom Six tal-ewwel fażi tant li spiċċajna l-ewwel f’dak il-grupp xorta waħda, forsi anke minħabba li kien hemm tibdil sostanzjali, ma urejniex il-karattru li kellna biex naslu għal riżultati aħjar kif kien jixirqilna.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Illum il-ġurnata il-kompetizzjoni fil-Malta Premier saret aktar tiddependi fuq kemm ghħndek plejers li huma ta’ kwalitá teknika minn dawk li għandu l-avversarju tieghek.  Jiena nsegwi l-plejers tagħna tal-Minors mill-qrib ukoll u hemm ukoll illi qegħdin f’Section B wara investiment li għamilna sabiex ma nibqgħux kif konna qabel dejjem nikkompetu fl-aħħar sezzjoni.  Peró, ħafna jgħidulek illi l-plejers barranin qed joqtlu l-futbol Malti.  Jiena nemmen li hemm diversi fatturi.  Iż-żgħażagħ tagħna llum bejn l-impenji ta’ studju, xoghol u distrazzjonijiet oħra f’dik l-etá tibda tara minnhom li jitilqu mill-futbol sabiex iħarsu lejn dak li fil-futur jgħinhom ikollhom ħajja u għajxien aħjar. 

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob uffiċjali tagħkom?

Ahna għadna mingħajr il-grawnd tagħna bħala Gzira United FC.  Fittixna li aħna stess niżviluppaw l-grawnd tal-Universitá u noħolqu faċilitajiet sportivi anke għall-beneficcju tal-istudenti universitarji, imma sibna l-bibien magħluqa biex sal-lum dak il-grawnd għadu fi stat ta’ abbandun.  Mill-banda l-oħra għadna qed nissieltu sabiex xi darba l-proġett li nixtiequ nwettqu f’Manoel Island fiż-żona allokata lilna ssir.  Nittamaw illi kulħadd jagħmel il-parti tiegħu biex ikollna l-faċiltajiet tagħna wara tant snin nistennew. Matul dawn is-snin kellna nfittxu grawnds oħra għat-taħriġ fosthom Zurrieq, Għaxaq u Luxol.

Notevoli huwa l-fatt u forsi ftit jafu li r-regolamenti l-ġodda dwar il-Malta Premier, ktibthom proprju int. Agħtina iktar dettalji.

Hekk hu! Ovvjament, f’dak il-format ma kinitx xi ħaġa sempliċi, u tista’ taħseb x’eċitament kelli li jispiċċa l-kampjonat ħalli nara li kollox imur sew!

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

S’issa mhux qed inħares lejn tkabbir fl-impenn tiegħi fil-futbol.  Għandi diversi impenji oħra u xi kultant nibda naħseb li aktar forsi nnaqqas milli nżid.  Li kieku ma jkunx għall-inkoraġġiment li nsib kemm mingħand Sharlon Pace u anke mingħand Alex Cassar naħseb li kieku m’għadniex għaddej kif jien.  Peró, ma neskludix li ‘l quddiem nesplora opportunitajiet ġodda li jġib miegħu l-futbol.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Liż-żgħażagħ tagħna ngħaddilhom biss messaġġ ta’ kuraġġ u li jkunu determinati f’dak li jixtiequ.  F’diversi oqsma kellna Maltin li għamlu suċċess u dan għamluh għaliex emmnu fihom infushom u ma qatgħux qalbhom mill-isfidi li l-ħajja hija mimlija bihom.  Li tiġġieled sabiex tieħu postok f’tim hija ċ-ċavetta għas-suċċess fil-futur.  Kull darba li kowċ ma jagħżlekx għandha sservi bħala sfida biex tirsisti biex dik l-għażla tiġi u meta tiġi turi li inti kapaċi forsi daqs dak il-plejer barrani jew Malti ieħor li inti dakinhar ħadtlu postu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport