Minn Cristian Muscat
Kif għażilt il-volleyball fost tant sport ieħor?
Qabel bdejt nilgħab il-volleyball, kont iippruvajt diversi sports oħra u ħadt gost nipprattikahom. Oħti kienet l-ewwel waħda li marret għal sessjoni ta’ taħriġ tal-volleyball, u jien mort naraha tilgħab. L-ewwel darba li lgħabt jien, ħassejt emozzjoni speċjali — sensazzjoni li qatt ma esperjenzajt fi sport ieħor. Kien hemm dak is-sens ġewwa fija li jekk nagħti l-impenn kollu tiegħi u naħdem bis-serjetà, stajt insir tajba ħafna f’dan l-isport. Il-papa’, Leonard, ra dan il-potenzjal ukoll – kien jilgħab il-volleyball meta kien żagħżugħ, u għandu passjoni kbira għalih – u hu wkoll ħeġġiġni nipprova, u li nkompli nipprattika l-volleyball.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq l-esperjenza li kellkom barra minn xtutna fil-jiem li għaddew bħala tim nazzjonali tal-beachvolley?
Li tikkompeti f’livell internazzjonali hija sfida imma wkoll sors ta’ motivazzjoni — opportunitajiet bħal dawn jagħtuna idea ċara fejn qegħdin u fuq xiex irridu naħdmu aktar. Iltaqjna ma’ avversarji b’saħħithom, tgħallimna ħafna minn kull logħba, u issaħħaħna aktar bħala tim. Li tirrappreżenta lil Malta huwa dejjem unur, u esperjenzi bħal dawn iħeġġuna naħdmu iktar u nimmiraw aktar ‘il fuq.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Swieqi Phoenix Volleyball Club.
Fi Swieqi Phoenix Volleyball Club m’aħniex biss tim — aktar qisna familja kbira. L-għaqda bejnietna tmur lil hinn miil-logħba. Naħdmu flimkien matul is-sena kollha, inħeġġu lil xulxin, nappoġġjaw lil xulxin, u nikbru flimkien. L-ambjent f’dan il-klabb kien kruċjali għall-iżvilupp tiegħi; hawnhekk bnejt il-ħiliet li għandi llum, u grazzi għal dan il-klabb sibt l-opportunità li nirrappreżenta lil Malta barra minn xtutna.
Inħossni kburija ħafna bis-suċċessi li kiseb il-klabb matul is-snin. Meta nara kemm imexjna ‘l quddiem flimkien matul dawn l-aħħar 13 ‘il sena, jagħmilni saħansitra aktar grata li jien parti minn dan il-vjaġġ. Il-kowċis ta’ Swieqi Phoenix mhux biss għenuni nikber bħala atleta, imma wkoll bħala persuna. Dan hu l-klabb li trabbejt fih, u dejjem se nkun kburija li nkun parti minnu.
Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek mat-tim nazzjonali tal-volleyball.
Ilni għal diversi snin nagħmel parti mit-tim nazzjonali tal-volleyball, u kull darba li jkolli l-opportunità nirrappreżenta lil Malta huwa ta’ unur u pjaċir kbir għalija. Il-kompetizzjonijiet internazzjonali jibqgħu esperjenza eċċitanti u ta’ sodisfazzjon kbir, anke wara ħafna snin.
Kif tqis il-livell tal-volleyball f’Malta?
Il-livell tal-volleyball f’Malta ilu jitjieb b’mod konsistenti matul is-snin. Żdied ħafna l-għarfien dwar l-isport, l-organizzazzjoni saret aktar soda, u l-livell tat-taħriġ f’diversi klabbs kompla jissaħħaħ. Żgħażagħ ġodda qed juru ħafna potenzjal, u qed naraw aktar impenn u ambizzjoni minn dawk involuti f’dan l-isport.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-logħob kompetittiv tagħkom?
Naturalment, għad hemm fejn nikbru. Hemm bżonn ta’ aktar investiment u faċilitajiet aħjar. Naħseb li hemm lok ta’ aktar investiment mill-Gvern għall-ħolqien ta’ aktar gyms żgħar fl-iskejjel, u għallinqas kumpless wieħed iddedikat llill-volleyball. Dawn jistgħu jgħinu sabiex il-livell ikompli jitjieb. Imma l-potenzjal hemm qiegħed, u nemmen li bl-appoġġ tal-awtoritajiet u żvilupp kontinwu minn naħa tal-MVA, il-volleyball f’Malta jista’ jkompli javvanza u jilħaq livelli aktar għolja.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-volleyball?
Beħsiebni nagħti l-impenn kollu tiegħi sabiex inkompli nilgħab il-volleyball f’livell għoli, nakkwista aktar u aktar unuri għall-klabb tiegħi, u nirrappreżenta lil Malta kemm fl- indoor volleyball kif ukoll fil-beachvolley. Irrid inkompli ntejjeb il-ħiliet tiegħi, nibqa’ kompetittiva, u nappoġġja kemm nista’ lil sħabi fit-tim. Fl-aħħar mill-aħħar, nispera li nkompli nikber bħala plejer u ngħin biex il-volleyball f’Malta jilħaq livelli ogħla.
Għaddi messaġġ finali lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-volleyball.
Għat-tfal u ż-żgħażagħ kollha li jixtiequ li jkollom suċċess fil-volleyball, ngħidilhom illi filwaqt li t-talent hu important – l-impenn, id-dixxiplina, u r-rieda li titgħallem kuljum huma dawk li verament jagħmlu d-differenza. Il-passjoni għall-isport u x-xogħol iebes iridu jkunu parti integrali minn ħajjitkom!
Min irid jikseb suċċess f’kwalunkwe sport, ser jaffaċċja sfidi kbar, u wieħed m’ għandhux jibza li jitlob l-għajnuna. Ħu ħsieb li tkun imdawra b’nies pożittivi li jappoġġjawk, u dejjem ftakar għaliex bdejt tilgħab: għax tħobb dan l-isport.
Is-suċċess huwa vjaġġ twil li jirrikjedi ħafna perseveranza. Ibqa’ segwi l-ħolma tiegħek —qatt ma taf fejn jista’ jieħdok il-volleyball.
Barra minn hekk, inħeġġiġkom tagħżlu klabb bħal tiegħi — Swieqi Phoenix Volleyball Club – li verament jgħinek tikber f’ħafna aspetti. Klabb li mhux biss jgħallmek kif tilgħab, imma jgħinek tikber bħala persuna, jibni sens ta’ dixxiplina, ix-xogħol fi ħdan it-tim, u l-kunfidenza. Huwa importanti li tkun parti minn klabb b’valuri sodi u li jagħmel differenza kbira fil-vjaġġ tiegħek. Għalhekk agħżel post fejn tħossok apprezzata u mħeġġa biex tilħaq il-potenzjal massimu tiegħek!