Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-kickboxing?
Meta kont iżgħar, ma kontx l-aktar persuna sportiva. Però, dejjem interessajt ruħi u kont nagħżel li nipparteċipa f’attivitajiet sportivi bħala sfida miegħi nnifsi. Għamilt il-maġġor parti ta’ ħajti fiż-żfin, u wara 13-il sena, ma bqajtx inħoss l-istess sodisfazzjon minnu u ddeċidejt li għandi bżonn bidla. Naħseb li dak iż-żmien, moħħi ħaseb f’l-aktar direzzjoni oppost tal-ispettru sportiv, u għażilt il-kickboxing. U minn hemm bdejt nittrenja ma’ Team Noel taħt il-gwida ta’ Sabom Daniel Zahra u Sabom Terence Cilia.
Wara l-COVID-19, għamilt sena skolastika fl-Irlanda bħala parti mill-programm Erasmus tal-Università, u jkolli ngħid li kien propju matul dak il-perjodu li l-imħabba tiegħi lejn il-kickboxing vera kibret. Meta tgħix waħdek barra minn pajjiżek, bla ma trid tfittex postijiet fejn tista’ tagħmilha ma’ nies oħra, u nista’ ngħid li filwaqt li komplejt nittrenja, sibt ħbieb ta’ vera fil-komunità ta’ dan l-isport.
Meta ġejt lura Malta, bdejt nipprepara mal-kowcis tiegħi għall-ewwel ġlieda tiegħi. Din ironikament seħħet fl-Irlanda fl-aħħar ta’ 2022 fejn ksibt rebħa. F’dawk il-ftit minuti li kont fir-ring, kont naf li din kienet xi ħaġa li ridt nerġa’ nesperjenza.
X’tikkummenta fuq l-aħħar suċċess inkredibbli li ksibt barra minn xtutna?
Din is-sena jien iħossni ffortunata għax s’issa kienet mimlija attività. Fi Frar li għadda kelli l-opportunità niggieled għal Gladiators Title fejn irnexxieli nerbaħ u nżomm iċ-ċinturin f’pajjiżna.
Barra minn hekk, kelli żewġ stediniet barra minn Malta. L-aktar waħda riċenti seħħet f’Salerno ftit ta’ ġimgħat ilu, fejn irbaħt b’deċiżjoni unanima kontra avversarja ta’ livell ferm għoli.
Meta tikkompeti f’dan l-isport trid tkun ippreparata mentalment daqskemm tkun fiżikament. Fil-fatt din kienet waħda mill-ewwel ġlidiet tiegħi fejn ma ħallejtx l-midja soċjali jew id-dehra tal-avversarja jimtimidawni, li hija xi ħaġa li ilni naħdem ħafna fuqha biex negħlibha.
Li titla’ fir-ring tiffaċċja lil xi ħadd u tagħti l-100% tiegħek, diġà tkun rebbieħa. Li tirbaħ, naturalment, iżid mal-ferħ. Imma li tikkompeti u tikseb rebħa barra minn xtutna huwa sentiment li ma tistax tiddeskrivi bil-kliem.
Jien kburija ħafna bid-determinazzjoni li wrejt, u dan kollu jagħti kemm lili, kemm il-club, u kif ukoll il-kowċ tiegħi Master Noel Mercieca aktar motivazzjoni biex inkomplu naħdmu u nirsistu biex nirrappreżentaw lill-pajjiżna bl-aqwa mod possibbli.
Kif tiddeskrivi x-xena tal-kickboxing f’pajjiżna?
Fejn pajjiżi oħrajn, ir-riżorsi tagħna huma prattikament negliġibbli. Nista’ ngħid biċ-ċert li l-atleti Maltin li huma f’dan l-isport jagħmlu dak li jagħmlu għax huma verament passjonati dwaru.
Għandna ħafna talent f’Malta, iżda peress li aħna pajjiż żgħir, sfortunatament m’għandniex opportunitajiet li niggieldu frekwentament daqs pajjiżi oħra. Għalhekk, ngħid għalija, meta jkolli stedina barra minn Malta – irrispettivament minn kemm irrid naqta’ piż għall-ġlieda u kemm tkun fuq avviż qasir – dejjem naċċettaha, għax ma jkollok xejn x’titlef u kollox x’tiggwadanja mill-esperjenza.
Ħafna nies għad għandhom ideja żbaljata fuq dan l-isport u jassoċjawh ma’ ċertu arroganza u vjolenza. Fil-verità, dan ma jistax ikun aktar il-bogħod mill-verità. L-affarijiet li titgħallem huma bla qies f’kull aspett; mentalment, fiżikament, u soċjalment.
F’termini ta’ komunità, meta wieħed minna jikseb rebħa f’dan l-isport, nħoss li tirrifletti fuq il-klabb kollu. Aħna verament nittrattaw rebħa ta’ ħabib bħallikieku kienet tagħna stess. U din ir-relazzjoni bejn il-membri u l-kowċis, f’għajnejja, hija waħda mill-attrazzjonijiet ewlenin ta’ dan l-isport.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek?
Is-sena li għaddiet iggradwajt fil-Matematika u fil-Fiżika mill-Università ta’ Malta. Din is-sena ddeċidejt li nieħu ‘gap year’ biex ikolli ċans naħseb liema triq għandi naqbad għall-futur. Sadanittant, dil-għażla ppermettietli l-ħin għal vjaġġar, kif ukoll biex inkompli niżviluppa fl-isport li tant sar parti minni.
Jien inħoss li l-aktar ħaġa importanti li rrid nibqa’ nżomm f’moħħi hi li jiġri x’jiġri dejjem nimxi pass pass u nibqa’ nżomm saqajja mal-art. Dejjem tgħallimt li meta tgħaġġel, żbalji biss tista’ tieħu!
Dak li għandi f’moħħi hu li nibqa’ nittrenja b’dar-ritmu biex inkun lesta li nilqa’ kwalunkwe sfida li jipproponieli l-kowċ b’determinazzjoni kbira.
Nifhem li dan huwa l-aħjar mod kif timxi ‘il quddiem f’kull qasam tal-ħajja.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera fil-kickboxing.
Bħal kull triq li tagħżel fil-ħajja, il-kickboxing jiġi bit-tlugħ u l-inżul tiegħu. Hawn Malta, s’issa ma tantx huwa possibbli li tagħmel karriera professjonali minn dal-isport għax għadna ma lħaqniex ċertu livell ta’ kemm għarfien u kif ukoll fondi. Trid tkun lest li tibbilancja l-istudji jew ix-xogħol tiegħek mas-sigħat twal li dal-isport jirrekjedi.
Bħalma ghidt qabel, meta ħa tikkompeti trid tkun b’sahhtek mentalment daqskemm tkun fiżikament, jekk mhux aktar. U dan ifisser li tgħaddi minn perjodu ta’ zmien fejn ikollok tgħid le għal ċertu ħruġ u divertiment. Trid tkun iddixxiplinat b’rutina tal-irqad u jeħtieġ li tqatta ħafna ħin tipprepara l-ikel biex issegwi d-dieti meħtieġa ukoll.
Però, nista nghid biċ-ċert li dak kollu li tinvesti f’dan l-isport, maz-zmien ha jakkumula u jirritorna lejk akbar u ahjar. Is-sodisfazzjon u l-eċċitament li jiġi ma’ dan l-isport ma nistax inpoġġieh fi kliem. Kull darba li nitla’ fuq ir-ring u nagħti l-100% tiegħi, naf li s-sagrifiċċji li kemm jien u kemm il-kowċis tiegħi jagħmlu ma jkunux għalxejn. Bla dubju, dal-isport sar biċċa mill-identità tiegħi u nista’ ngħid li l-ġurnata tiegħi ma tkunx kompluta mingħajr ma nkun ittrenjajt!
Verament minn qalbi nħeġġeġ lil kullħadd biex għall-inqas darba f’ħajtu jattendi klassi u jesperjenza l-adrenalina li takkumpanja dal-isport. Irrispettivament ta’ x’inhuma l-objettivi tal-individwu, xi ħaġa ta ġid tieħu żgur minn dil-prattika!