Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn iċ-chess?
Tgħallimt nilgħab iċ-chess meta kelli xi għaxar snin. Peró, kien fl-iskola sekondarja fil-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl fejn bdejt nilgħab regolari fil-break tal-iskola. Hemmhekk tgħallimnt ħafna minn dawk il-logħob.
X’tikkummenta fuq il-fatt li int Champion Nazzjonali taċ-Chess għal disa’ darbiet?
Hekk hu. Fil-fatt, jiena kont Champion Nazzjonali taċ-Chess għal disa’ darbiet. L-aħħar darba kien fl-2023. Li tirbaħ il-kampjonat Malti għal disa’ darbiet huwa unur kbir, speċjalment meta tikkunsidra li hemm żewġ plejers biss fl-istorja taċ-chess Malti li rebħuh aktar – Wilfred Attard u Harry Camilleri.
X’suċċessi maġġuri oħra ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?
Fil-karriera tiegħi kelli x-xorti li lgħabt 13-il edizzjoni tal-Olimpjadi taċ-Chess u varji tournaments oħra barra l-pajjiż.
Fost l-aħjar riżultati fuq logħob individwali għandi rebħa u sitt draws ma’ Grandmasters (l-ogħla titlu fiċ-chess).
Bħala kompetizzjonijiet, apparti li rbaħt varji tournaments lokali, kienet memorabbli meta rbaħt is-Serie B tar-reġjun ta’ Sqallija ma’ tim Sqalli minn Trapani li nilgħab miegħu. Issa ilni għaxar snin nilgħab ma’ dan it-tim.
Kif tqis il-livell taċ-chess f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell taċ-chess f’pajjiżna għaddej minn żmien tajjeb ħafna, u l-futur qrib ħa jkun aktar b’saħħtu. Bħalissa, hawn ħafna tfal li qed jieħdu taħriġ formali u dan qed iwassal għal ħafna tfal li qed joffru oppożizzjoni b’saħħitha lill-plejers stabbiliti. Illum il-ġurnata diġá għandna l-aqwa plejers lokali li jinkludu plejer ta’ 18-il sena (iċ-champion lokali bħalissa Jack Mizzi) u saħansitra ta’ 14 il-sena (Matthew Portelli) li għadu kif rebaħ tournament lokali.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrgu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?
Ir-riżorsi ukoll qed jitjebu. Sentejn ilu jiena ġejt involut fi klabb lokali u anke bdejt akkademja taċ-chess.
Il-klabb hu s-Swieqi Chess Club fejn norganizzaw ħafna tournaments. Il-websajt hija https://www.swieqichessclub.com/ u hija kontinwament aġġornata bid-dettalji kollha.
Mill-banda l-oħra għal qalbi ħafna hija l-akkademja tiegħi personali, fejn nagħmlu taħriġ fiċ-chess kull ġimgħa lil tfal u kbar f’kull livell. It-term tas-sajf jibda fil-ġimgħa tas-7 ta Lulju fejn il-lezzjonijiet jerġgħu jibdew. Min hu interessat jista’ jibgħatli messaġġ personali fuq WhatsApp jew SMS fuq 99496279.
Kemm hu importanti l-aspett mentali u psikoloġiku fiċ-chess?
L-aspett mentali u psikoloġiku fiċ-chess huwa importanti ħafna. Mhux biżżejjed li twettaq mossi tajbin imma li anke tieħu ħsieb il-mumenti importanti tal-logħba anke mill-aspett psikoloġiku. Dan hu simili ta’ kull sport ieħor fejn trid tkun kapaċi tikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħek. Dan hu aspett li huwa importanti għall-kowċ tat-tfal.
Kif tirribatti għal min ma jqisx iċ-chess bħala sport?
Iċ-chess kompetittiv għandu l-aspetti kollha ta’ sport. Kemm mill-aspett li trid tara kif ħa tirbah lill-avversarju teknikament, imma anke b’aspetti psikoloġiċi.
F’livell għoli l-istamina tilgħab parti importanti, jekk tikkunsidra li logħba waħda iddum mal-erba’ sa sitt sigħat, u f’tournament tilgħab disa’ logħbiet f’seba’ sa disat ijiem. Huwa kritiku li tkun fiżikament ippreparat għax tkun qed tqatta’ sigħat twal fuq il-bord u biex iżżomm livell ta’ koncentrazzjoni għolja jrid ikollok stamina tajba.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fiċ-chess?
Sakemm nibqa’ nsib pjaċir u nkun motivat inkompli nikkompeti bħala plejer. Inħoss li fadalli ħafna x’nagħti, u nemmen li għad nista’ nirbaħ tournaments.
Peró, fil-futur nixtieq inkompli nara l-akkademja tikber u aktar tfal jitgħallmu.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fiċ-chess.
Il-messaġġ tieghi kemm lill-plejers u anke lill-ġenituri ta’ tfal li jitħajru jilagħbu ċ-chess huwa li ċ-chess jgħinek mhux biss tieħu pjaċir tilgħab, imma anke jgħinek tiżvillupa ħiliet li jgħinuk f’ħajtek inġenerali. Għalhekk ninkoraġġixxi bis-sħiħ li t-tfal jiġu esposti għal dan l-isport.
Min irid jieħdu aktar bis-serjetá, importanti li tiddedika ħin sostanzjali biex titħarreġ. It-talent mingħajr taħriġ ma jwasslekx biżżejjed u bħal kull ħaġ’oħra is-sagrifiċċju tat-taħriġ huwa fundamentali biex issir plejer iktar kompetittiv.