Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?
Bdiet snin ilu … kont nitla’ nara l-logħob il-Pixxina Nazzjonali fis-snin 90. Għallkemm qatt ma lgħabtha l- logħba, imma dejjem affaxxinatni, speċjalment il-fiżikalita, il-veloċita u t-teknika tagħha. Qatt ma ninsa nara l-Finali Olimpika bejn Spanja u l-Italja li għadha sal-lum meta nara biċċiet minnha tqabbadni l-bard.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq ir-rebħ tat-Treble permezz tar-rebħ tal-Kampjonat tax-Xitwa, il-Kampjonat tas-Sajf u n-Knock-Out minn San Ġiljan ASC?
Huwa l-kulminu ta’ xogħol qawwi min-naħa tal-kumitat, it-tim tekniku u l-plejers tagħna. Ħdimna b’għaqal, ħadna deċiżjonijiet iebsin u dejjem żammejna l-objettivi ċari quddiem għajnejna. Li tirbaħ l-aqwa tliet unuri tal -waterpolo lokali, fis-Sena taċ-Ċentinarju tal-ASA, kienet xi ħaga li se tibqa’ mnaqqxa fl- istorja tal-Klabb u tal-Assoċjazzjoni.
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala president ta’ San Ġiljan ASC.
Ir-rwol tiegħi huwa sa ċertu punt faċli – infassal l-istrategija tal-klabb, nimmotiva lit-tim tiegħi biex jaħdem b’passjoni biex nilħqu dawn l-objettivi. Ovvjament hemm ħafna aktar xogħol wara dan kollu.
X’sehem kellu l-plejer Awstraljan ta’ fama mondjali fil-waterpolo, Aaron Younger, f’dawn is-suċċessi, liema plejer issa se jkun qed jirtira mill-waterpolo?
Aaron Younger, għazel li jilgħab l-aħħar logħba tal-karriera mżejna tiegħu fil-waterpolo mal-klabb tiegħi ta’ San Ġiljan. Dan għalina huwa unur immens li qatt mhu se jkun minsi mill-poplu Ġiljaniż. Ma ninsewx li dan il-player rebaħ xejn inqas minn ħames edizzjonijiet taċ-Champions League tal-Waterpolo, kampjonati fl-Ungerija u l-Italja ma’ klabbs differenti, u għażel lil San Ġiljan biex jilgħab l-aħħar logħba fil-karriera tiegħu!
Kien strumentali bħal dejjem, għax għamel ħafna xogħol waqt il-logħba li ma jidhirx, u kien ta’ ispirazzjoni għal sħabu l-plejers Maltin. Mhux se jkun xejn faċli biex insibu plejer ieħor tal-kalibru tiegħu u li juri l-istess rispett li wera dan il-plejer lill-klabb tiegħi.
X’tikkummenta fuq il-fatt li din is-sena kellkom tliet kowċis differenti?
Huma deċiżjonijiet diffiċli li imma l-kumitat b’għaqal kbir kellu jieħu, dejjem bl-objettiv finali li nerġgħu nirbħu t-Tazzi.
X’tikkummenta dwar il-Pixxina ta’ San Ġiljan issa li ħareġ il-permess mill-ERA?
Huwa pass importanti ħafna fl-objettiv finali biex dan il-klabb ikollu l-faċilitajiet li jixraqlu. Ma ninsewx li minkejja s-suċċessi kollha li ksibna, dan għamilnieh minn faċilitajiet limitati ħafna. U li jkompli jsaħħaħ il- fatt li dan il-klabb għamel biċċa xogħol kbira. Issa l-fażi li jmiss hija li jinħareġ il-permess finali biex hekk inkunu nistgħu nibdew il-kostruzzjoni tal-Pixxina.
X’tikkummenta fuq il-fatt li din is-sena rbaħtu wkoll il-Kampjonat ta’ taħt is-16-il sena?
Kien riżultat importanti li kompla jsaħħaħ il-pjan tagħna li nkabbru dan il-klabb. Irridu nibeew infasslu l- futur biex nibqgħu nġibu t-Tazzi lejn San Ġiljan, u l-ewwel pass importanti huwa li nwasslu fil- preparazzjoni plejers minn dan it-tim.
Huwa fatt magħruf li xi plejers importanti ta’ San Ġiljan ASC m’għadhomx żghar fl-etá. X’se jkun il-futur tagħhom?
It-tim, għadu fl-opinjoni tiegħi pjuttost ta’ etá żgħira, u għalhekk il-pjan tagħna huwa li nżommu dawk il- plejers li jixtiequ jibqgħu ma’ dan il-proġett u fl-istess ħin ninvestu fil-plejers żgħar.
Kif tqis il-livell tal-waterpolo Malti fil-preżent? U dak tar-riżorsi (pixxini) fejn il-pljers jitħarrġu u jilagħbu l- logħob uffiċjali tagħhom?
Huwa livell tajjeb, imma naħseb li għad hemm fejn nitjiebu. Jien inqabbel lil Malta mal-pajjiż tal- Montenegro … popolazzjoni tal-istess numru bħal Malta imma kull m’għandhom erba’ timijiet biss. Imma xorta jirnexxielhom ikunu kompetittivi fil-Logħob Olimpiku. Id-differenza hija l-istatura u l-kulturá tagħhom. Fuq it-tieni punt żgur li nistgħu bl-għajnuna ta’ kulħadd, naħdmu aktar biex nersqu lejhom.
Tħoss li hawn biżżejjed kuxjenza rigward il-waterpolo f’Malta u Għawdex?
Naħseb li nistgħu nagħmlu biċċa xogħol aħjar. L-ASA għamlu biċċa xogħol kbira biex ġabu f’Malta l-finali tal-logħob taċ-Champions League tal-waterpolo għal tliet snin in fila. Imma nibża’ li l-media lokali mhix timbotta biżżejjed dan l-avveniment. Ġieli ltqajt ma’ Maltin li lanqas kienu jafu li hawn dawn il-finali f’Malta. Naħseb li jrid isir aktar xogħol f’dan ir-rigward. Ġieli tiftaħ gazzetti l-għada ta’ logħba importanti lokali tal-waterpolo u ma tarax rapportaġġ!
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-amministrazzjoni tal-waterpolo?
Se nibqa’ naħdem bl-istess passjoni bħal dejjem biex nagħmel dan il-klabb ikbar milli hu u nagħti lill-poplu Ġiljaniż il-pjaċir li tassew ħaqqu.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-waterpolo.
Il-waterpolo bħal kull sport ieħor, jipprepara l-atleti fl-aspett fiziku, mentali u ta’ dixxiplina li kull bniedem għandu bżonn biex jaffronta l-isfidi tal-ħajja ta’ kuljum. Għalija l-isport huwa mezz kif lit-tfal tagħna nistgħu nrawmuhom aħjar u nippreparawhom biex ikunu dejjem ċittadini aħjar. Meta tiġi għall-waterpolo, fl-opinjoni tiegħi u speċjalment f’Malta, dan huwa sport li sal-ġurnata tal-lum offra suċċessi kbar, jagħtti opportunitá sabiħa biex l-atleti jirrapreżentaw lil pajjiżhom fuq livell nazzjonali, li jilagħbu ma’ u kontra plejers ta’ livell mondjali, bħal Aaron Younger jew Gergo Zalanki.
Joffri wkoll opportunitajiet biex ukoll ikunu jistgħu jużaw l-isport għall-fini tal-karriera tagħhom.Nixtieq infakkar li din is-sena se jkun hemm tliet plejers Maltin – Jake Bonavia (San Ġiljan), Matthew Bonello Du Puis (Sirens) u Gianni Farrugia (Sirens) li ħadu ‘scholarships’ biex ikomplu l-istudji ‘post graduate’ tagħhom fl-Amerika waqt li jkomplu jilagħbu l-logħba tal-waterpolo.