Thursday, July 3, 2025

‘Li tkun champion nazzjonali huwa ta’ unur u jien ninsab tassew kburi b’dan’ – Aidan Buttigieg

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn iċ-ċikliżmu?

L-imħabba tiegħi għaċ-ċikliżmu bdiet meta kont tifel żgħir u kont insuq ma’ missieri max-xatt fi tmiem il-ġimgħa jew wara l-iskola.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq it-tielet rebħa konsekuttiva fit-tielet u l-aħħar tiġrija tal-Kampjonat Nazzjonali tar-Road tal-2025 li ksibt flimkien maċ-ċiklista, Diana Muscat, fil-jiem li għaddew, biex b’hekk sirt champion nazzjonali?

Ninsab kuntent ħafna li żammejt u ddefendejt b’suċċess it-titlu nazzjonali Malti tiegħi fir-‘road races’.

Li tkun champion nazzjonali huwa ta’ unur u jien ninsab tassew kburi b’dan.

Nistenna bil-ħerqa li nilbes il-kuluri Maltin, u niġri barra minn Malta b’dan il-flokk sabiħ u nkompli nirrappreżenta l-valuri kollha taċ-ċikliżmu.

Nixtieq nestendi r-ringrazzjament tiegħi lill-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu talli ospitat ir-‘road races’ u kompliet bl-isforzi tagħha biex tipprovdi tlielaq għal kulħadd f’Malta.

Li tkun iċ-champion nazzjonali Malti jġib miegħu responsabbiltà kbira, li ħadtha bis-serjetà u nkompli biha bis-serjetà għat-12-il xahar li ġejjin.

X’tikkummenta fuq il-parteċipazzjoni tagħkom bħala Team Malta fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2025 f’Andorra fil-jiem li għaddew?

Il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar kienu suċċess kbir għaċ-ċikliżmu Malti. Għamilna tellieqa mill-aqwa, u animajnieha mill-bidu sat-tmiem. Jien personalment kelli tim biex nipprova ngħin lill-‘climber’ tagħna jagħmel l-aħjar tiegħu meta jasal fil-qiegħ tat-telgħa. Kellna kontinġent qawwi, għalhekk dan ir-riżultat huwa importanti ħafna għaċ-ċikliżmu Malti fil-futur. Malta marret tassew tajjeb!

Liema suċċessi ewlenin oħra ksibt fil-karriera tiegħek s’issa f’dan l-isport li tant tħobb?

Li nkun ċiklist nazzjonali Malti liebes il-flokk nazzjonali ma’ tim professjonali tal-UCI kien l-akbar suċċess fil-karriera tiegħi sa issa. Għalkemm ilbist dan il-flokk f’livell kontinentali fis-sena ta’ qabel, li nilbsu f’livell pro-kontinentali inqisu tassew bħala mument ewlieni.

Kif tqis il-livell taċ-ċikliżmu f’pajjiżna fil-preżent?

Il-livell taċ-ċikliżmu f’Malta żgur li qed jitjieb. Kelli l-privileġġ mhux biss li nara, iżda li nesperjenza direttament dan it-tkabbir fil-kompetizzjoni bejn iċ-ċiklisti fl-aħħar 3-4 snin. Nara xewqa mill-atleti żgħażagħ Maltin infushom u nittama li din il-ġenerazzjoni li jmiss tibbenefika mill-attenzjoni u t-tkabbir li dan l-isport qed jara f’Malta.

U xi ngħidu dwar ir-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Bħala ċiklist professjonali għandi ammont tajjeb ta’ riżorsi għad-dispożizzjoni tiegħi u kura mit-tim tiegħi (Polti VisitMalta). Dan huwa evidenti kemm fit-tlielaq kif ukoll fit-taħriġ.

Kif qed tħares il-futur tiegħek f’dan l-isport li tant tħobb?

Ninsab eċċitat għas-sentejn li ġejjin mat-tim tiegħi – biex inkompli nikber u nitgħallem matul il-perkors tal-vjaġġ tiegħi!

Għaddi messaġġ finali lil dawk li jixtiequ jibdew jipprattikaw iċ-ċikliżmu.

Lill-atleti żgħażagħ kollha – il-messaġġ finali tiegħi jkun li nkomplu nuru passjoni, ħeġġa u determinazzjoni. Nitlobkom tieħdu vantaġġ mill-inizjattivi taċ-ċikliżmu attwali fis-seħħ, fosthom tlielaq immexxija mill-klabbs u l-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu, kif ukoll il-programm ‘Żerniq Bir-Rota’ imniedi mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ.

Fuq kollox, gawdu ċ-ċikliżmu. L-ewwel trid tgawdi l-isport qabel ma tipprova tikseb suċċess fih. Is-suċċess ma jiġix mil-lum għal għada – kun motivat, iżda kun dixxiplinat l-ewwel!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport