Wednesday, April 24, 2024

“Li tkun isseparat ma jfissirx li tinqata’ minn ma’ wliedek”

Missier isseparat b’messaġġ importanti għall-ġenituri sseparati kollha

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

It-tfal huma frott relazzjoni bejn mara u raġel li meta jidħlu f’din id-dinja dik l-omm u missier ġdid jagħtuhom tant għożża. F’din in l-għożża ssarraf fi trobbija sabiħa u serena fejn il-ġenituri flimkien u b’sagrifiċċji kbar itellgħu lil uliedhom bl-aħjar mod possibbli. F’dinja ideali t-tfal jitrabbew f’ambjent ta’ familja tradizzjonali bl-omm u l-missier flimkien iżda r-realtà li għandna llum hija dik li ħafna tfal għandhom il-ġenituri sseparati. TALK.MT ta ħarsa lejn dak il-missier m’għadux taħt l-istess saqaf ma’ wliedu wara s-separazzjoni fejn fost l-elementi pożittivi li qasam magħna hemm dak li minkejja ssepara, huwa jieħu ħsieb li jagħti prijorità l-benesseri ta’ wliedu u jara kif jagħmel minn kollox biex iqatta’ kemm jista’ jkun ħin magħhom.

“L-ewwel ħsieb li jiġini anke issa li għadna kemm iċċelebrajna Jum il-Missier hija li nqatta’ kemm jista’ jkun ħin ma’ wliedi u dan mhux fl-okkażjonijiet speċjali biss. Dan mhux dejjem ikun possibli għax skont kif tinzerta xogħol imma jien, jekk ma nkunx nista’ niltaqa’ magħhom f’jiem partikolari, inħoss li ma jimpurtax li tiċċelebra ġurnata qabel jew wara. Basta nkun magħhom,” beda bi tbissima dan il-missier.

Huwa, li xtaq li jibqa’ anonimu għall-finijiet ta’ privatezza anke minħabba wliedu, spjega li fi ġranet speċjali bħal għeluq snin jew festi bħall-Milied, jara kif jistinka aktar minn ġranet oħra biex jassigura ruħu li jkunu verament speċjali kemm għalih, kif ukoll għal uliedu. Enfasizza li, “li tkun isseparat ma jfissirx li tinqata’ minn ma’ wliedek. Anzi, għandek tipprova tagħti l-massimu li tista’”. 

Ftehim mingħajr ebda firda jsarraf f’ġid għat-tfal

Bħal kull bniedem isseparat, għar-raġunijiet eċċezzjonali oħra li l-qorti tikkonsidra f’każijiet partikolari, it-tfal ikollhom ħin allokat maż-żewġ ġenituri. Min-naħa tiegħu dan il-missier iħoss li għandu ħafna ħin biex igawdihom għax għalkemm l-ulied jgħixu mal-omm, huwa għandu ġranet li jkunu miegħu. “Ħuwa ħafna tajjeb u ideali għal kull min huwa involut, li koppja sseparata tkun taqbel fejn jidħlu t-tfal. Jien m’għandix problemi fuq hekk u meta jkun hemm ftehim mingħajr ebda firda, dan isarraf f’ġid kbir għat-tfal. Ma naqbilx li t-tfal ikunu jgħixu biss mal-missier jew mal-omm biss. Fl-opinjoni tiegħi l-aħjar huwa meta jqassmu l-ġranet bejn il-ġenituri. Hekk it-tfal jitilgħu f’ambjent tajjeb u għalkemm koppja tkun isseparat, għandu dejjem ikun hemm qbil u kollaborazzjoni fejn jidħlu kwistjonijiet tat-tfal”. 

Mistoqsi jekk wara li ssepara jħossx li tilef ċertu ħin twil mat-tfal bħalma kien igawdi fiż-żwieġ u jekk jaħsibx li f’dan it-tip ta’ ambjent it-tfal ibatu, dan ir-raġel sostna li ma jħossx li huwa tilef il-kuntatt ma’ wliedu. Spjega li, “il-kuntatt ma’ wliedi nżommu. Jiena u t-tfal nitkelmu kuljum mingħajr limitu. Jien u ommhom niftiehmu ħafna biex lit-tfal intellgħuhom fl-aqwa edukazzjoni. Fl-ebda ħin jien ma nara li t-tfal qegħdin ibatu u għandhom relazzjoni tajba magħna t-tnejn. Sfotunatament iva, hemm tfal ibatu minħabba separazzjoni u kull tant l-ulied jispiċċaw ballun għax ma jkunx hemm ftehim. Illum il-ħajja hija mgħaġġla għaż-żewġ ġenituri u ħafna drabi t-tfal ibatu”.

Rigward jekk jaħsibx li t-tfal ta’ koppji sseparati jgħixu speċi ta’ ħajja doppja, huwa qal li, “jista’ jkun li iva u jista’ jkun li le. Fil-każ tagħna t-tfal għaddejjin tajjeb imma sfortunatament hemm ħafna ċirkostanzi differenti u ċertu tfal iħossu li hemm nuqqas. Fil-każ tiegħi, jien u ommhom nippruvaw li t-tfal tagħna jibqgħu magħqudin u viċin ħafna tagħna t-tnejn. Dan għax nemmnu li għalkemm bħala koppja m’aħniex fiżikament flimkien, bħala ġenituri għadna tim u b’dan il-mod lit-tfal tibqa’ tagħtihom trobbija kif jixraq”. 

“nemmnu li għalkemm bħala koppja m’aħniex fiżikament flimkien, bħala ġenituri għadna tim u b’dan il-mod lit-tfal tibqa’ tagħtihom trobbija kif jixraq”

“Ma nħossx li hemm xi ħaġa f’ħajti li rrid nibdel”

Rigward il-mod kif irriżultaw l-affarijiet f’ħajtu u r-relazzjoni li għandu ma’ wliedu dan il-missier qalilna li sinċerament ma jħossx li hemm xi ħaġa li jrid jibdel. Żied jgħid li huwa minnu li xi kull tant mhux dejjem il-ħajja tkun faċli “għax fi żminijietna din ma saritx daqsekk faċli, imma l-bniedem dejjem għandu jipprova jagħmel l-aħjar possibbli fejn jidħlu t-tfal”. 

Bħala messaġġ għal dawk il-missirijiet bħalu u l-familji kollha b’mod ġenerali li għaddejjin jew huma f’sitwazzjoni bħal tiegħu, jissuġġerixxi li l-ġenituri għandhom dejjem jibqgħu preżenti u disponibbli għal uliedhom. Il-parir tiegħu huwa li ma jtellgħuhomx f’ambjent ta’ firda, rabja u ġlied. 

“Dan bil-għan li ma jikbrux b’xi mibegħda f’qalbhom. It-tfal huma kollox għalina u għandna naħdmu flimkien bħala ġenituri biex nagħtuhom l-aqwa u l-aħjar ħalli jikbru dejjem fis-sewwa. Fl-aħħar mill-aħħar it-tfal kuntenti fil-paċi u li jkunu maħbubin. Dawn l-affarijiet nistgħu nagħtuhomlom miżżewġin jew isseparati. Kollox jiddependi mill-mod kif timxi ħajtek u l-għażliet li tagħmel. Jien għażilt l-aħjar interess ta’ wliedi,” temm dan il-missier isseparat.

Sport